Quality Service Charter ghall-Uffiċċju tal-Kartuna s-Safra u fit-Taqsima Safar ta’ Pazjenti.

 

F’dawn l-aħħar snin il-konsumatur sar aktar konxju tad-drittijiet li għandu meta jingħata sevizz. Dan grazzi wkoll għal ħidma tal-gvern f’dan il-qasam fejn għall-ewwel darba twaqqaf dipartiment bil-għan speċifiku li jħares id-drittijiet tal-konsumatur. Issa fl-Unjoni Ewropea d-drittijiet tal-konsumatur jieħdu dimensjoni ġdida għaliex l-Unjoni Ewropea bir-regoli tagħha tagħti aktar poter lill-konsumatur.

Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità Louis Deguara meta kien qiegħed jiġi ppreżentat b’żewġ charters imnedija minn żewġ taqsimiet differenti fl-Isptar San Luqa.

Illum kien imiss is-Taqsima ta’ l-Uffiċċju tal-Karta s-Safra u t-Taqsima Safar ta’ Pazjenti. Dawn iż-żewġ charters huma żieda ma’ oħrajn li d-Diviżjoni tas-Saħħa diġà ippreżentat lill-klijenti tagħha li jirċievu servizz minn għadd ta’ taqsimiet.

Dawn iċ-charters flimkien ma’ oħrajn għandhom iservu bħala għodda biex dawk li jużaw is-servizz ikunu infurmati kemm dwar is-servizz innisfsu kif ukoll dwar id-drittijiet li huma għandhom meta jagħmlu użu minn dawn is-servizzi. Din is-setgha f’idejn il-pazjent hi l-muftieħ ghal titjib fis-servizz. Iċ-charter jorbot lil min jipprovdi s-servizz li dan joffri servizz ta’ kwalità. Dawn iċ-charters iservu ta’ ħolqa bejn dawk li jipprovdu s-servizz u min jirċeviħ.

Hija prijorità tad-Diviżjoni tas-Saħħa li tinforma lil kull min jagħmel użu mis-servizzi bid-drittijiet li hu għandu meta jingħata dawn is-servizzi. Id-Diviżjoni trid tagħmilha faċli għall-individwu li jikseb din l-informazzjoni u li din tkun preżentata b’mod konċiż u li tiftiehem. Dawn iċ-charters jipprovdu wkoll opportunità biex it-taqsimiet ikollhom ir-reazzjoni tal-pubbliku dwar is-servizzi mitluba. L-informazzjoni personali ta’ kull individwu tinżamm bl-akbar kunfidenzjalità.

Il-Ministru tas-Saħħa temm jgħid li l-gvern jemmen li dawn iċ-charters jagħtu vuċi lill-klijent u bla dubju jservu biex tikber il-kunfidenza u l-istima bejn min jircievi u jipprovdi s-servizz. Dan jinkwadra ferm fl-isforzi tal-gvern f’dawn l-aħħar snin biex jgħolli l-livell tas-servizz ċivili. Dan l-isforz qiegħed illum jaghti riżultati tajba ferm anki wkoll minħabba l-investiment u l-introduzzjoni ta’ teknoloġija li resqet il-klijent viċin ferm is-Servizz Civili.