“Id-drenaġġ kien
jifforma aspett importanti ta’ l-infrastruttura li kien jinvolvi sew
investiment kapitali qawwi kif ukoll nefqa rikorrenti sostanzjali biex
is-sistema tinżamm fi stat tajjeb u kontinwu ta’ manutenzjoni."
Dan qalu il-Ministru għar-Riżorsi
u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech meta kien qed iniedi l-Quality
Service Charter fi ħdan id-Dipartiment tad-Drenaġġ.
Francis Zammit Dimech qal li l-importanza
li l-Gvern jagħti lis-sistema tad-drenaġġ toħroġ
mill-investiment li jagħmel kull sena għat-titjib u l-iżvilupp
f’dan is-settur. Hu qal li fil-budget li għadu kif ġie
ppreżenat lill-Parlament hemm vot kapitali ta’ Lm4.7 miljun għas-sena
2003. Hu qal li minn dawn il-fondi Lm1.85 miljun se jmorru għal
estensjonijiet u titjib fis-sistema tad-drenaġġ filwaqt li
Lm2.9 miljun se jmorru għal impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ
u biex tkompli tiġi implimentata l-masterplan tad-drenaġġ.
Francis Zammit Dimech qal li
sistema tajba ta’ drenaġġ kienet ta’ importanza massima
għas-saħħa għaliex mingħajr sistema adegwata
ta’ drenaġġ kien hemm il-possibbilta’ ta’ mard serju
li fl-imgħoddi kien iwassal għal epidemiji li kienu jeqirdu
mijiet ta’ nies. Sistema tajba ta’ drenaġġ kienet ukoll
importanti biex ikollna ibħra ndaf. Hu magħruf li meta s-sistema
tad-drenaġġ f’pajjiżna ma kenitx waħda adegwata
għal ħtiġiet tal-poplu, ta’ l-industrija u s-settur
turistiku, id-drenaġġ kien jisbokka fil-baħar
b’riperkussjonijiet mill-aktar serji fuq il-bajjiet l-aktar popolari
li fihom jgħumu sew il-Maltin kif ukoll it-turisti.

Il-Ministru għar-Riżorsi
u l-Infrastruttura fakkar li din is-sena kienet l-aħjar sena għall-kwalita’
ta’ l-ilma baħar f’lokalitajiet fejn isir il-għawm. Hu
qal li din is-sena, 98 fil-mija tal-lokalitajiet minn fejn jittieħdu
l-kampjuni kienu Klassi 1, filwaqt li tnejn fil-mija kienu Klassi 2.
Ebda sit ma kien Klassi 3. Fl-1996, 55 fil-mija tal-lokalitajiet fejn
isir l-għawm kienu Klassi 1, 43 fil-mija kienu fi Klassi 2 u
tnejn fil-mija fi Klassi 3.
Francis Zammit Dimech qal li
biex setgħu nkisbu dawn ir-riżultati kellu sehem importanti
d-Dipartiment tad-Drenaġġ. Hu qal li dan ħadem b’mod
mill-aktar immedjat kull meta kien hemm xi ħsara fis-sistema tad-drenaġġ,
bir-riżultat li d-drenaġġ ma spiċċax fil-baħar,
li hekk ma ġiex imniġġes.
Il-Ministru Zammit Dimech fakkar
li fl-aħħar 25 sena ġew investiti fis-sistema tad-drenaġġ
aktar minn Lm45 miljun u fakkar li dan l-istess ammont irid jiġi
investit fil-ftit snin li ġejjin biex jinbnew tlett impjanti għat-tisfija
tad-drenaġġ f’Malta u Għawdex. Il-Ministru Francis
Zammit Dimech qal li bejn Settembru 1998 u Awissu 2002 tqiegħdu
216-il estensjoni tad-drenaġġ ma’ Malta u Għawdex
b’tul ta’ 22 kilometru. L-istess dipartiment kompla bil-pjani tiegħu
li jtejjeb u jsaħħaħ il-pumping stations mhux
biss billi jipprovdi l-aktar tagħmir modern, iżda anke biex
ikun hemm ġeneraturi f’każ ta’ qtugħ fis-sistema ta’
l-elettriku.
Fl-istess waqt it-Taqsima tax-Xogħlijiet
permezz tas-Sewerage Masterplan Implementation Unit kompla bil-ħidma
biex ikun hemm l-infrastruttura neċessarja ħalli jinbnew it-tlett
impjanti meħtieġa ħalli d-drenaġġ kollu ta’
pajjiżna jissaffa qabel jintefa’ fil-baħar. Hu qal li
matul is-sena d-dieħla se jinbena l-impjant f’Għawdex li
parti minn nefqa għalih se tiġi minn fondi ta’ qabel is-sħubija
mill-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru għar-Riżorsi
u l-Infrastruttura qal li matul l-aħħar erba’ snin saret
ħidma intensiva biex jinxtara tagħmir speċjalizzat għas-saħħa
u s-sigurta’ fil-post tax-xogħol tal-ħaddiema tad-Dipartiment
tad-Drenaġġ. Dan it-tagħmir sewa kwart ta’ miljun
lira Maltija u qiegħed jintuża fuq bażi regolari mill-impjegati
kollha tad-dipartiment, li ngħataw it-taħriġ meħtieġ.
Hu fakkar li twaqqfet ukoll safety unit u tħarrġu
numru ta’ ħaddiema fuq it-tagħmir tas-sigurta’ biex dan
jinżamm fi stat tajjeb il-ħin kollu.
Il-Ministru għar-Riżorsi
u l-Infrastruttura qal li t-twaqqif ta’ Quality Service Charter fi
ħdan id-Dipartiment għad-Drenaġġ iqiegħed fuq
dan id-dipartiment obbligi ġodda lejn il-poplu. Hu qal li
twaqqfet fid-dipartiment sistema biex ikun indukrat il-konsumatur.
Ittieħdu wkoll miżuri biex jitħarrġu l-ħaddiema
fil-customer care unit, ser ikun installat freephone
fejn il-konsumatur ikun jista’ jagħmel l-ilmenti tiegħu u
anke e-mail apposta. Kollox hu maħsub biex il-poplu
jinqeda aħjar u fl-inqas żmien possibbli.

Il-Ministru Francis Zammit
Dimech qal li l-Gvern kien jinteressah li l-poplu jinqeda aħjar u
fl-iqsar żmien possibbli. Għalhekk kien qed jaħdem
kontinwament biex ikun hemm servizz dejjem aħjar fejn
il-konsumatur jinqeda’ bl-aktar mod immedjat. Hu qal li d-Dipartiment
tad-Drenaġġ daħal għal sfida, konxju mill-fatt li
kapaċi jagħti s-servizz mitlub minnu. Il-Ministru Zammit
Dimech awgura lill-ħaddiema kollha fi ħdan id-Dipartiment
tad-Drenaġġ ħidma sfieqa favur il-poplu Malti u Għawdxi
kollu.