15th
November 2004: Identity Card Section launch Quality Service
Charter
Il-poplu qiegħed
jidra dejjem iktar servizz ċivili li jirrispondi
għall-esiġenzi taż-żminijiet. Ma għadniex
għoxrin sena ilu iżda qegħdin navvanzaw f’era fejn ir-rapport
bejn l-Istat u ċ-ċittadini tiegħu qiegħed jinbidel.

F’pajjiżi
membri bħalna ta’ l-Unjoni Ewropea hija aċċettata li
ċ-ċittadin għandu dritt jistenna servizz ferm
aħjar minn dak li kien jirċievi qabel. L-Istat ma
għandux jippretendi li ma għandux bżonn jew m’għandux
obbligu la morali u lanqas legali li jagħti rendikont
liċ-ċittadini tiegħu. It-talbiet, anzi, kull talba li
ssir minn kull persuna f’dan il-pajjiż tagħna għandha
tiġi kkunsidrata li timmerita attenzjoni immedjata u ta’
kawalità. Bi kwalità nifhem li ma għadhiex aktar it-teorija li
ċ-ċittadin ta’ pajjiż tintlaqagħlu talba ex
gratia iżda għax hemm dritt amministrattiv li
jipproteġih b’tali mod li l-Istat mhux jilqa’ jekk irid
iżda għandu l-obbligu li jagħmel dan. Għax hemm
bżonn li nsegwu prattika kostanti u tajba li ġiet
żviluppata barra minn xtutna u li hija l-bażi ta’ dritt
amministrattiv Ewropew. Bażi li hija marbuta ma’ l-għarfien
li kull applikazzjoni trid tiġi deċiża skond
il-liġi, mingħajr diskriminazzjoni, mingħajr xi
abbuż fil-poter, b’imparzjalità u indipendenza, b’oġġettività,
bi proporzjonalità, b’ġustizzja, b’korrettezza, bi gwida
tajba u li tirrispondi għall-aspirazzjonijiet leġittimi.
Mhux kull talba
tista’ tiġi legalment milqugħa, dak żgur. Però kull
persuna għandha dritt li tippretendi li l-applikazzjoni
tagħha ser tiġi kkunsidrata malajr. Mhux biss
il-veloċità, is-solerzja, iżda wkoll li dak li jkun ikollu
għad-dispożizzjoni tiegħu l-proċess sħiħ
amministrattiv li jippermettilu jsegwi x’qiegħed jiġri
minn talbietu. Dritt li jkun magħruf minn min huwa nkarigat
sabiex jikkunsidra t-talba u f’liema stadju din tinsab.
Din hija qabża
kbira. Qabża li ma tistax issir f’daqqa iżda li titlob
proċess sħiħ. Proċess li qiegħed jinbeda minn
din it-tarġa. Dik li tibni fi kważi kull dipartiment dak li
qed jissejjaħ “Quality Service Charter” jew aħjar
dikjarazzjoni li biha dipartiment partikolari jintrabat li jservi lil
min jirrikorri għandu bil-minimu ta’ dinjità u attenzjoni.
Hawn ukoll wieħed
irid jgħid li l-kontenut huwa fir-realtà ġabra ta’
ħwejjeġ bażati fuq is-sens komun u oħrajn li
jitwieldu proprju mill-fatt li għandna nittrattaw
lill-oħrajn bħalma nippretendu li niġu ttrattati
aħna. Dan id-dokument huwa wieħed li jirriafferma li kull
ċiviltà tista’ timxi ‘l quddiem jekk ikollha servizz ta’
amministrazzjoni li hija effiċjenti għax tifhem li kull
proċess, kull talba, issir minn min issir, trid tiġi
kkunsidrata b’serjetà u tingħata tweġiba.
L-istorja ta’ l-umanità
turina fil-fatt li l-Imperu Ruman kien fl-aqwa tiegħu fit-tieni
seklu wara Kristu proprju għax kellu fi ħdanu amministraturi
li kienu jikkunsidraw u janalizzaw talbiet ġewwa Ruma minn kull
rokna tiegħu. Mhux ta’ b’xejn li Vespazjanu kien
għażel il-kliem “festina lente” sabiex jispira l-poplu u
l-amministraturi tiegħu. Dawn huma eżempji li jitolbu li
ngħarfu li s-servizz ċivili jrid jifhem li ma għadux
iktar iż-żmien fejn il-ħaddiem tiegħu jinsab
dejjem barra fuq il-missjoni provvidenzjali tal-"qadja" jew
li min jiġi jħabbat il-bieb jiġi trattat qisu waqa’
mis-sema jew li qed jitlob is-sema.

It-teknoloġija
moderna tesiġi wkoll li mhux biss fil-kuntatt uman sija
fiżiku jew bl-użu tat-telefon iżda anke permezz tal-e-mail
ikun hemm solerzja u rispett. Li dipartiment bħal dan
qiegħed jintrabat li jagħti servizz li fi żmien
ħamest’ijiem jikkonkludi l-bidu u t-tmien ta’ talba huwa
eżempju ħaj ta’ kif bi sforz fid-direzzjoni t-tajba u b’teħid
ta’ deċiżjonijiet ġusti l-Istat isir aktar tal-poplu
u mhux jibqa’ ta’ ftit teknokrati li jispeċjalizzaw
fil-katanacio.
Iż-żmien
qiegħed hawn u għandna dmir inwieġbu għal din is-sejħa.
Huwa tajjeb li dan id-dipartiment inxteħet f’din it-triq u jkun
ferm aħjar jekk l-Istat iniedi aħjar dritt amministrattiv
fejn dawn id-dikjarazzjonijiet isiru liġi. Liġi li trid
tiġi osservata u prattikata u ma tiddependix mill-ħeġġa
jew mill-qalb ġeneruża ta’ kap ta’ dipartiment.
Nagħlaq billi
nawgura li iktar dipartimenti jsegwu dan l-eżempju tagħkom.
Diskors ta’
l-Onor. Dr. Carmelo Mifsud Bonnici, Segretarju
Parlamentari fil-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern
fl-okkażjoni tat-tnedija tal-Quality
Service Charter tas-Sezzjoni tal-Karta ta’ l-Identità
li tagħmel parti mill-Uffiċċju
Elettorali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim
Ministru
|