30th May 2003: Il-Kumpless Sportiv ta' Ghawdex iniedi Quality Service Charter

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, dalgħodu ġiet ippreżentata bil-kopja ta’ Quality Service Charter ieħor għall-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex. Dan iċ-charter huwa l-aħħar charter mogħti lil xi dipartiment f’Malta jew Għawdex. Issa b’kollox hemm 45 dipartiment jew taqsima li ppublikaw il-Quality Service Charter tagħhom minn meta tnediet l-inizjattiva madwar ħames snin ilu. Ħdax (11) minn dawn huma fil-fatt f’Għawdex.

L-introduzzjoni ta’ Quality Service Charter fil-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex, li huwa fir-responsabilita’ tad-Dipartiment Customer Services fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, hija konferma uffiċċjali ta’ l-impenn tal-Gvern illi jtejjeb il-kwalita` ta’ servizz li jingħata minn hawnhekk. Dan bil-għan illi kull min jagħmel użu mill-Kumpless Sportiv jieħu l-ogħla livell ta’ servizz fl-iqsar ħin possibbli. Il-linji ta’ gwida elenkati fil-Quality Service Charters jqegħdu fuq quddiem nett id-dritt u l-kwalita’ tas-servizz – li jkun wieħed ipprovdut fl-iqsar ħin possibbli filwaqt li jkun effiċċjenti. Ic-Charter jimpenja lill-ħaddiema tal-Kumpless Sportiv sabiex jagħtu servizz ta’ reception u ta’ booking iktar efficjenti, filwaqt li ħinijiet itwal fil-għaxija fejn il-klijent jista’ jagħmel użu mill-kumpless sportiv. Ic-Charter huwa dikjarazzjoni ta’ mpenn favur il-klijent mhux biss fir-rigward ta’ servizz mogħti fil-pront u b’efficcjenza imma wkoll permezz ta’ provvista ta’ nformazzjoni cara u korretta relatata ma’ servizzi eżistenti u anke dawk li jistgħu jiġu ntrodotti fil-futur.

Il-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex issa huwa iktar mgħammar permezz ta’ tibdil fil-parquet, rinnovament fic-changing rooms tal-kumpless u iktar dawl fis-sala principali. Dan anke bi preparament għall-kompetizzjonijiet tat-table tennis tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li min-nhar it-Tlieta 3 ta’ Ġunju ser iseħħu fil-Kumpless Sportiv.

Fid-diskors tagħha waqt l-għoti tac-Charter dalgħodu, il-Ministru Debono saħqet fuq l-importanza tal-klijent għas-Servizz Pubbliku u l-ħtieġa li s-servizzi li jingħataw minn dan is-settur, filwaqt li jkunu effettivi u efficcjenti, ipoġġu dejjem il-bżonnijiet tal-klijent fuq quddiem nett. Hija qalet li l-Quality Service Charters, bil-linji ta’ gwida li dawn jipprovdu huma għodda importanti għad-dipartimenti biex jgħinuhom jilħqu l-aspettattivi li l-pubbliku għandu fil-ġurnata ta’ llum. Kien fil-fatt riżultat ta’ hekk li l-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex issa estenda l-ħinijiet tal-ftuħ tiegħu sa’ l-10.00pm f’jiem matul il-ġimgħa, biex jilqa’ għad-domanda li jġibu magħhom aspettattivi ta’ ħajja iktar komda. Fi tmiem il-ġimgħa u btajjel pubblici, il-ħinijiet tal-ftuħ huma bejn it-8.00am u l-5.00pm.

Anthony A. Borg, Direttur Customer Services qal illi sa mit-twaqqif tal-Kumpless Sportiv fl-1990, dehret bic-car il-ħtieġa ta’ facilitajiet sportivi fil-gżira ta’ Għawdex, tant li minn dakinhar sa llum, ġew introdotti diversi opportunitajiet sportivi ġodda fosthom Skola Sport, li tilqa’ madwar 400 student bejn it-8 u l-14-il sena, kull nhar ta’ Sibt filgħodu. Il-Kumpless Sportiv jilqa’ sportivi li regolarment jipprattikaw dixxiplini bħall-basketball, tennis, table tennis, squash, spirit combat, kick boxing, karate, football, volleyball u yoga. Illum, iktar minn 200 persuna ta’ ‘l fuq minn 18-il sena huma reġistrati mal-Kumpless Sportiv biex jagħmlu użu mis-servizzi u l-facilitajiet li joffri. Persuni ta’ taħt it-18-il sena jagħmlu użu mill-Kumpless Sportiv mingħajr ħtieġa ta’ reġistrazzjoni.

Permezz tal-Quality Service Charter, il-Kumpless Sportiv dalgħodu ntrabat li jipprovdi assistenza mmedjata lil min iżur il-kumpless b’mod personali. F’każ li ssir rikjesta permezz tal-kitba, il-kumpess sportiv qed jintrabat li jindirizzaha sa mhux iktar tard minn ġurnata tax-xogħol f’każ ta’ e-mail u jumejn tax-xogħol f’każ ta’ korrispondenza bil-posta. Jintlaqgħu lmenti u suġġerimenti kemm b’mod personali kif ukoll bil-miktub.

Preżenti għall-okkażjoni kien hemm ukoll is-Sur Joe R. Grima li rringrazzja lid- dipartiment konċernat talli laqa’ l-isfida ewlenija li jipprovdi servizz ta’ kwalita’, filwaqt li awgura li iktar dipartimenti Governattivi jadottaw l-implimentazzjoni ta’ Quality Service Charters. Għall-okkażżjoni kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Ministeru għal Għawdex, is-Sur Frank Psaila.