19 ta'
Dicembru 2003: Imniedi Quality Service Charter ieħor
fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex

L-Onor. Giovanna Debono,
Ministru għal Għawdex, dalgħodu ġiet
ippreżentata bil-kopja ta’ Quality Service Charter
ieħor għal dipartiment fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Dan iċ-charter huwa l-aħħar charter
mogħti lil xi dipartiment f’Malta jew Għawdex. Issa b’kollox
hemm 46 dipartiment jew taqsima li ppublikaw il-Quality Service
Charter tagħhom minn meta tnediet l-inizjattiva inqas minn sitt
snin ilu. Tnax (12) minn dawn huma fil-fatt f’Għawdex.
L-introduzzjoni ta’ Quality
Service Charter fid-Dipartiment tad-Dħul u l-Emerġenza fl-Isptar
Ġenerali ta’ Għawdex hija konferma uffiċċjali ta’
l-impenn tal-Gvern illi jkompli jtejjeb il-kwalita` ta’ servizz li
jingħata minn hawnhekk. Dan bil-għan illi kull min jiġi
fil-bżonn ta’ din l-unika facilita’ ta’ emerġenza f’Għawdex
jieħu l-ogħla livell ta’ servizz fl-iqsar ħin possibbli.
Il-linji ta’ gwida
elenkati fil-Quality Service Charter iqegħdu fuq quddiem
nett id-dritt tal-pazjent li jircievi servizz tas-saħħa skond
il-ħtiġijiet klinici tiegħu u li jagħti jew
jiċħad il-kunsens tiegħu għal trattament mediku.
Min-naħa l-oħra għandu jistenna servizz ta’ kwalita’
kemm mid-Dipartiment ta’ l-Emerġenza kif ukoll mis-sezzjoni ta’
l-Ambulanza. Id-Dipartiment qed jobbliga lilu nnifsu li jipprovdi
servizzi lil kull min hu fil-bżonn, inkluż tfal, anzjani u
persuni b’diżabilita’.
Id-dipartiment qed jorbot
lilu nnifsu b’kunsiderazzjonijiet li jqiegħdu lill-pazjent fuq
quddiem nett. Bħala klijent tad-dipartiment, il-pazjent għandu
d-dritt li jkun infurmat b’servizzi li jingħataw minn hawnhekk,
jiġi mgħarraf bi trattament propost għalih, jinżammu
records u informazzjoni dwaru b’mod kunfidenzjali,
jingħata risposti sodisfacenti għall-mistoqsijiet tiegħu
u jingħata appuntamenti ta’ follow-up skond
il-ħtiġijiet medici tiegħu. Ic-Charter ippubblikat
illum jistipola li f’każ li l-pazjent imdaħħal fid-dipartiment
ikollu każ urġenti, it-tabib tad-dipartiment jarah
immedjatament. Jekk il-każ ma jkunx meqjus bħala urġenti,
allura l-pazjent jista’ jistenna sa massimu ta’ nofs siegħa
wara li jiġi assessjat min-nurse. F’każi ta’
emerġenza d-dipartiment jieħu ħsieb l-iktar każ
urġenti u jimxi bi prattika ta’ first come first served.

F’każ li l-pazjent
jeħtieġ jagħmel ilment, jista’ jikteb lis-Supretendent
Mediku fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. L-Isptar jistieden
ukoll lill-pazjenti tiegħu biex jgħaddu l-kummenti
tagħhom dwar is-servizz permezz tas-suggestion box fid-dipartiment
jew inkella permezz tal-Customer Care system www.servizz.gov.mt
Id-Dipartiment tad-Dħul
u l-Emergenza huwa miftuħ 24 siegħa kuljum, sebat ijiem
fil-gimgħa, inkluż il-btajjel pubblici. Il-pazjent jista’
jinqeda mis-servizzi offruti hawnhekk kemm jekk jiġi riferut
mit-tabib kif ukoll jekk jirreferi lilu nnifsu. Minn dan id-dipartiment
il-pazjent għandu d-dritt li jiġi mogħti preskrizzjoni ta’
medicina marbuta mal-każ tiegħu, kif ukoll għadd ta’
servizzi oħra. Id-dipartiment jaqdi l-funzjoni ta’ health
centre bejn it-8pm u t-8am.
Is-sezzjoni ta’ l-Ambulanza
toffri servizz ta’ emerġenza, trasport minn u lejn sptarijiet
oħra tal-Gvern f’Malta, trasport tal-pazjent minn u lejn id-dar (certi
kundizzjonijiet japplikaw), trasport ta’ pazjenti residenti fl-isptar
lejn attivitajiet socjali, u trasport tal-pazjenti mid-dar lejn
sptarijiet privati f’Malta jew Għawdex, il-Heliport t’Għawdex
u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (certi kundizzjonijiet
japplikaw). F’emerġenza medika jew f’każ ta’ incident,
is-servizz ta’ l-ambulanza huwa disponibbli 24 siegħa kuljum,
sebat ijiem fil-gimgħa, inkluż btajjel pubblici permezz tan-numru
tat-telefon 196. Id-dipartiment tad-Dħul u l-Emerġenza
jinforma lill-Ambulanza li tintbagħat fuq is-sit ta’ l-incident
jew emerġenza fi żmien 4 minuti.
Fid-diskors tagħha
waqt l-għoti tac-Charter dalgħodu, il-Ministru Debono
saħqet fuq l-importanza ta’ servizz tas-saħħa
efficjenti u li jqiegħed fuq quddiem il-ħtiġijiet medici
u socjali tal-pazjent. Il-klijent qiegħed isir dejjem iktar il-punt
fokali għas-Servizz Pubbliku u għalhekk inħasset
il-ħtieġa li dan id-dipartiment importanti fl-Isptar
Ġenerali ta’ Għawdex jorbot lilu nnifsu b’certi
obbligazzjonijiet favur tal-pazjenti tiegħu. Il-Ministru
rringrazzjat lill-istaff kollu ta’ l-Isptar Ġenerali t’Għawdex,
b’mod partikolari tad-Dipartiment tad-Dħul u l-Emerġenza,
tax-xogħol siewi li jwettqu matul is-sena. B’mod partikolari,
il-Ministru għal Għawdex irringrazzjat lid-dipartiment
koncernat tal-ħidma ta’ fejda li ssir sabiex sitwazzjonijiet
traġici jiġu ndirizzati bl-aħjar mod possibbli. Il-Ministru
Debono rreferiet ukoll għall-proġetti infrastrutturali li saru
matul dawn l-aħħar snin f’dipartimenti diversi ta’ l-Isptar
Ġenerali t’Għawdex fosthom ukoll id-dipartiment ta’ l-Emerġenza.
Hawnhekk, din is-sezzjoni ġiet rinnovata permezz ta’ proġett
ta’ tkabbir u tisbiħ permezz ta’ xogħlijiet u xiri ta’
apparat, kif ukoll il-kostruzzjoni ta’ ambulance bay ġdida,
waiting area ġdida, facilitajiet aħjar
għall-pazjenti kif ukoll ambulanza ġdida li żdiedet mal-fleet
preżenti.
Dr Anthony Livori,
Supretendent Mediku ta’ l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qal
illi ‘l fuq minn 12,000 ruħ jagħmlu użu mid-Dipartiment
tal-Emerġenza kull sena. Huwa qal ukoll li ħaddiema f’dawn
iż-żewġ dipartimenti ġeneralment ikunu l-ewwel
kuntatt ta’ min ikollu bzonn is-servizz tal-isptar u huwa ghallhekk li
dawn dejjem jistinkaw biex jagħtu servizz ta’ kwalita’ u
personalizzat.
Preżenti
għall-okkażjoni kien hemm ukoll is-Sur Anthony Mifsued li
rrinġrazzja lid- dipartiment konċernat talli laqa’ l-isfida
ewlenija li jipprovdi servizz ta’ kwalita’, filwaqt li awgura li
iktar dipartimenti Governattivi jadottaw l-implimentazzjoni ta’ Quality
Service Charters. Għall-okkażżjoni kien hemm ukoll
is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għal Għawdex, is-Sur
Frank Psaila.
|