21st January 2005: Ghozza and Guidance and Counselling Unit  launch Quality Service Charter

"Meta l-Gvern ħabbar l-impenn tiegħu biex is-servizz ċivili jaħdem fuq ‘Quality Service Charters’ fl-1999, kellu skopijiet ċari ta’ fejn ried jasal. Il-mira ta’ dawn iċ-Charters hi li ċ-cittadin jingħata informazzjoni eżatta u aġġornata u servizz ta’ kwalita’ il-ħin kollu. Huwa kruċjali li kul]add japprezza li s-servizz pubbliku qieg]ed hemm għall-konvenjenza tal-klijent u mhux ta’ min hu impjegat biex iservi. L-idea wkoll hi li kemm jista’ jkun klijent jinqeda minn post wieħed u mhux jispiċċa jmur minn dipartiment għall-ieħor sakemm isib dak li għandu bżonn.” Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea meta nieda żewġ quality service charters fid-dipartiment tas-servizzi għall-istudent. Iċ-Charters huma għall-Guidance and Counselling Unit u għall-Unit Għożża, taqsima li tagħti servizzi ta’ appoġġ lill-minuri li jkunu tqal bl-iskop li jkomplu fl-edukazzjoni tagħhom.

It-taqsima tal-Guidance and Counselling toffri servizz ta’ Counselling fl-iskejjel kollha fejn l-istudenti imorru minn rajhom għand il-counsellors. It-taqsima toffri wkoll gwida kurrikulari lill-istudenti partikolarment hekk kif jitilgħu mill-livell primarju għal dak sekondarju u meta jiġu biex jgħażlu s-suġġetti. Jingħata wkoll tagħrif u pariri dwar il-karrieri u l-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja li jistgħu ikomplu fiha hekk kif jispiċċaw l-iskola. It-Taqsima toffri wkoll servizzi lill-ġenituri partikolarment bi programm ‘Nifhmu ‘l Uliedna’.

It-taqsima ‘Għożża’ toffri servizz ta’ appoġġ lil studenti u tfajliet taħt l-eta’ ta’ 18-il sena li jkunu tqal. It-taqsima tmexxi programm li bih tgħin lill-dawn it-tfajliet jieħdu atitudni pożittiva lejn it-trobbija tat-tfal u fl-istess ħin tħeġġiġhom ikomplu l-edukazzjoni u l-karrieri li jixtiequ jsegwu. Fl-2004 filwaqt li kien hemm mal-153 persuna li ikkuntattjat din it-tqsima, 92 tfajla attendiet il-programm, u 61 tfajla oħra żammew kuntatt mat-taqsima waqt li kienu qed jaħdmu jew isegwu xi kors ta’ studju. It-taqsima toffri wkoll servizz ta’ appoġġ magħruf bħala l-Mother and Baby Support Group għal dawk it-tfajliet li jkunu diġa welldu. Dan il-grupp ta’ appoġġ iħeġġiġhom ikomplu bl-istudji tagħhom u jgħinhom fit-trobbijja tat-tfal tagħhom.

It-taqsima ‘Għożża’ qed taħdem ukoll fuq programmi ġodda u inovattivi għall-klijenti tagħha. Programm li qed isir flimkien ma’ l-ETC jgħin lit-tfajliet fl-għażliet tal-karrieri u biex isibu xogħol. Tħejjiet ukoll policy għall-użu fl-iskejjel biex jitnaqqas l-assentejiżmu fost it-tfajliet tqal.

Fid-diskors tiegħu il-Ministru Galea qal li huwa tajjeb li l-professjonisti fil-qasam tas-servizzi ta’ l-istudenti jirriflettu fuq min hu l-klijent. "Id-direzzjoni hija ċara. Huwa r-rwol ta’ kull ħaddiem f’dan il-qasam li l-ewwel u qabel kollox iħares il-bżonnijet tat-tfal u studenti li jkunu qed jaħdmu magħhom. Il-klijent huwa l-istudent u s-servizzi għandhom jiġu ndirrizzati lejn il-bżonnijiet ta’ l-istudenti.” Il-Ministru Galea tenna li minbarra li nagħtu servizz, Quality Service Charter ifisser ukoll li klijent jkun jaf kif u fejn jista’ jwassal l-ilmenti tiegħu u tittieħed l-azzjoni li hemm bżonn, li rridu nnaqqsu l-burokrazija u ntejbu l-‘accountability’.

Il-Ministru qal li huwa kruċjali li fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni nibqgħu nsostnu l-iżvilupp ta’ kultura ta’ servizz lejn il-klijent u għalhekk s-servizz irid ikun mibni fuq il-bżonnijiet tal-klijent. Għaldaqstant meta nevalwaw is-servizzi li noffru irridu naraw kemm dawn huma mfassla skond il-ħtiġijiet tal-klijenti skond riċerka li tkun saret fost il-klijenti stess.

Louis Galea qal li n-nies li nservu għandhom id-dritt għall-servizzi ta’ kwalita, servizzi li huma konvenjenti għalihom u servizzi li jkun koordinati u effiċjenti. Għalhekk irridu nużaw metodi u teknoloġija li tista’ toffri l-aħjar għajnuniet. ‘Fid-dinja globalizzata tal-lum dan il-kunċett ta’ ‘networking’ huwa essenzjali fl-andament tax-xogħol tagħna.’

Il-Ministru irrefera għall-laqgħat li qed isiru dwar ir-rapport Chalmers li jiffoka fuq l-edukazzjoni ogħla, hu qal li fost il-punti li ssemmew, isemma kemm-il darba l-fatt li għandna bżonn nħarsu b’lenti kritika u nfasslu politika ċara dwar il-‘Career Guidance’. Dan il-qasam huwa ħolqa importanti fil-katina kumplessa tal-qasam edukattiv li jrid jiġi indirizzat fix-xhur li ġejjin. Hu qal li tlestew t-termini ta’ referenza għall-grupp ta’ ħidma li se jkun maħtur biex jipproponu politika nazzjonali ta’ kif għandu jinħadem is-servizz ta’ Career Guidance f’Malta u Għawdex.

‘Jekk aħna qed inħarsu lejn sistema edukattiva li tipprepara nies li jafu jfittxu informazzjoni huma stess, li jkollhom ħiliet ta’ analiżi u riflessjoni, li jkollhom kapaċita li jqabblu l-ħiliet tagħom ma’ dak li qed toffri s-soċjeta tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam max-xogħol, tagħlim, eċċ, dan ifisser li jrid ikollna sistema ta’ guidance tul il-ħajja li aktar milli tagħti nformazzjoni tgħin li bniedem immexxi hu stess l-esperjenza edukattiva tiegħu.’ Sostna Louis Galea.

"‘L quddiem irridu wkoll nagħtu ħarsa lejn il-‘counselling’ u kif dan qed jiżvillupa. Importanti nirrikonoxxu li waħda mill-affarijiet pożittivi li għandna huma r-riżorsi umani f’dan is-settur. Għandna 100 guidance teacher fl-iskejjel sekondarji ta’ l-istat, 16-il counsellor fl-iskejjel sekondarji, u dan l-aħħar żiedna wkoll in-numru ta’ counsellors minn waħda għall-erba’ fil-livell primarju. Għaldaqstant konxju li element kruċjali huwa t-taħriġ f’dan is-settur. Huwa mportanti li nsibu metodi kif nies li diġa jkollhom kwalifiki bażiċi f’dan il-qasam ikollhom l-opportunitá li jkomplu jispeċċjalizaw fil-counselling. Nagħrfu lkoll li l-kwalita u tipoloġija ta’ problemi li jiltaqgħu magħhom it-tfal u żgħażagħ illum huma ta’ xejra differenti minn għaxar, ħmistax il-sena ilu, u għaldaqstant huwa kruċjali li dan is-settur niffukaw fuqu biex ngħinu lill-klijenti jmexxu ħajjithom b’mod aktar effettiv. Dan ukoll jgħodd għall-unit Għożża li qed tagħti servizz bżonnjuz u meħtieġ." Temm jgħid Louis Galea.