Uffiċċju tal-Passaporti, Malta  -  Quality Service Charter

 

Werrej

 

 

Dan iċ-Charter

Il-Missjoni Tagħna

Kif tista’ tikkuntattjana

L-Impenn Tagħna

Kif tista’ tgħinna

Is-servizzi tagħna

Persuni li ma jistgħux jiġu personalment

Importanti

Biex tbiddel id-dettalji fuq il-passaport tiegħek

Separazjonijiet, kunsens tal-ġenituri u kustodja tat-tfal

Kundizzjonijiet fl-użu tal-passaport tiegħek

Il-ħlas tat-tariffi

Jekk ma tkunx sodisfatt/a bis-servizz tagħna

Nitgħallmu mingħandek

 

Dan iċ-Charter

 

Dan iċ-Charter għandu jservi bħala gwida għall-Uffiċċju tal-Passaporti li jagħmel parti mid-Direttorat tar-Reġistrazzjoni Ċivili.  Fih issibu lista tas-servizzi li aħna nipprovdu u l-livell ta' servizz li lejh qegħdin nimmiraw.

Il-Missjoni Tagħna

L-impenn tagħna huwa li nservu lill-membri kollha tal-komunita` billi nipprovdu passaporti liċ-ċittadini Maltin kollha.  L-għan tagħna hu li nipprovdu lill-klijenti tagħna b’livell għoli ta’ servizzi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ passaporti. Aħna nipprovdu wkoll passaporti u dokumenti oħra tal-ivjaġġar lil persuni ta’ nazzjonalita barranija li jeħtieġu dokument ta’ urġenza. 

L-għan tagħna huwa li nissodisfaw il-ħtiġijiet tal-klijenti tagħna. Dan iċ-Charter qed jistabbilixxi l-livelli ta’ servizz li inti għandek tistenna mingħandna.  Jispjega wkoll kif u fejn inti tista’ tieħu aktar informazzjoni dwar is-servizzi tagħna.

Kif tista’ tikkuntattjana

 

L-indirizz tagħna huwa:

 

Uffiċċju tal-Passaporti

Evans Building

L-ewwel sular

Triq il-Merkanti

Valletta VLT 2000

 

Tista’ tikkuntattjana billi:

 

·        tiġi personalment l-uffiċċju tagħna

·        iċċemplilna fuq 2220 9100  jew fuq free phone 8007 2386

·        tibagħtilna fax fuq 2124 5328

·        tibagħtilna e-mail fuq civil.registration@gov.mt

·        tidħol fuq il-websajt tagħna fl-indirizz www.passaporti.gov.mt 

 

Il-ħinijiet tal-ftuħ huma kif ġej:

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa

mis-7.30a.m. sas-2.00p.m.

Nhar ta’ Erbgħa biss

mis-7.30a.m. sas-2.00p.m.u mit-3.00p.m. sas-6.00p.m.

Is-Sibt

mis-7.30a.m. sal-11.00a.m.

 

 

 

L-Impenn Tagħna

Aħna noffru għażla kbira ta' servizzi fil-qasam f’dak li għandu x’jaqsam ma’ passaporti. Meta tinqeda mingħandna, għandek tistenna li aħna:

·        inwieġbu t-telefonati tiegħek malajr u b’kortesija

·        nagħtuk tweġiba għat-telefonati tiegħek dakinhar stess u nirrispondu għad-diffikultajiet tiegħek sal-għada 

·        nibagħtulek avviż dakinhar stess li nkunu rċevejna l-e-mail tiegħek jew il-korrispondenza tiegħek mill-websajt tagħna u nirrispondu l-email tiegħek fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol

·        nibagħtulek nota fi żmien ġurnata u nibagħtulek tweġiba fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol minn meta nkunu rċevejna  l-ittra tiegħek.

Meta tiġi żżurna aħna:

·        nagħtuk attenzjoni immedjata, inkunu edukati u ta’ għajnuna f’kull ħin

·        inkunu ddedikati għal xogħolna kif ukoll imħarrġa kemm f’customer care kif ukoll fil-proċeduri tal-passaporti

·        nipprovdu informazzjoni ċara u korretta dwar is-servizzi kollha pprovduti tal-passaport

·        nidentifikaw ruħna billi nilbsu biljetti ta’ identifikazzjoni

·        nagħtuk għajnuna b’mod professjonali, b’responsabilita` u nkunu ddedikati fix-xogħol tagħna.

 

Tista’ tistenna li narawk fi żmien 15 -il minuta fix-xitwa u fi żmien 25 minuta fis-sajf. Dan id-dewmien huwa minħabba li fis-sajf ikollna numru ħafna ikbar ta’ klijenti li jżuru l-Uffiċċju tagħna.

 

Il-każ tiegħek jista’ jiġi indirizzat minn Uffiċjal Anzjan jekk huwa ta’ natura sensittiva jew jinħtieġ attenzjoni speċjali.

 

Aħna qed nagħmlu ħilitna biex intejbu dejjem aktar l-ambjent tal-passaporti. Nipprovdu waiting area mgħammra bis-siġġijiet, lift, u ambjent mgħammar b'arja kkundizzjonata.

 

Kif tista’ tgħinna

 

Int tista’ tgħinna noffrulek servizz aħjar billi:

 

·        tkun ġentili u edukat/a mal-istaff tagħna

·        taqra l-istruzzjonijiet fuq l-applikazzjoni qabel ma timlieha

·        tagħtina l-formoli tal-applikazzjoni relevanti mimlija sew u ffirmati kif meħtieġ

·        iġġib miegħek il-karta tal-identita` meta żżur l-Uffiċċju tagħna.  Meta tapplika għal passaport ta’ minur, ġib miegħek ukoll il-karta tal-identita` tar-raġel/mara tiegħek, u f’każ ta’ minur ‘il fuq minn 14-il sena, il-karta tal-identita` tal-minur. 

·        tapplika għal passaport ġdid mill-anqas sebat ijiem ta' xogħol qabel ma tkun se tiġi bżonnu.  Dan jiżgura li dan l-Uffiċċju jkollu żmien biżżejjed biex jipproċessa l-applikazzjoni tiegħek f’każ li niltaqgħu ma' xi diffikulta.

·        tapplika għal passaport tiegħek bejn Ottubru u April jekk hu possibbli. Dan inaqqas il-ħin li int ikollok tagħmel tistenna fl-Uffiċċju tagħna.

 

Is-servizzi tagħna

 

Meta tapplika għal passaport, ma jkunx hemm bżonn li tipprovdi Att tat-twelid, żwieġ jew ċertifikat ta’ mewt, jekk dawn huma reġistrati fir-Reġistru Pubbliku.

 

Aħna noffru s-servizzi ta’:

·        passaport ġdid għall-ewwel darba (kull eta`)

·        tiġdid ta passaporti (kull eta`)

·        it-tieni passaport f’każijiet speċjali

·        passaport diplomatiku

·        dokument tal-ivvjaġġar tar-refuġjati

·        passaport għal stranġier

·        passaport kollettiv għal grupp ta’ mhux inqas minn ħames minuri

·        dokument ta’ urġenza lil ċittadini Maltin

·        dokument ta’ identita` għall-barranin.

 

Noffru wkoll servizzi ta’:

·        sostituzzjoni ta’ passaport li ntilef, insteraq jew ġie distrutt

·        traduzzjoni bl-Għarbi fuq il-passaporti

·        amministrazzjoni ta’ ġuramenti (għal passaporti biss)

·        passaport urġenti li jinħareġ fi żmien 4 sigħat

·        servizz ta’ emerġenza fuq bażi ta’ 24 siegħa.  Nagħtu biss dan is-servizz lil persuni li jkunu jinħtieġu passaport urġenti u jinħareġ bl-awtorita` tad-Direttur. Dan is-servizz jista’ jiġi rrifjutat mingħajr preġudizzju.

 

·        Passaport ġdid għall-ewwel darba (persuni ta’ ‘l fuq minn 18-il sena)

 

  1. Imla u ffirma l-Formola A.
  2. Ir-rakkomandant tiegħek (persuna professjonali jew qassis) li jkun ilu jafek mill-inqas sentejn, għandu jimla u jiffirma Sezzjoni 8 tal-Formola A.
  3. Ġib il-Formola A personalment l-Uffiċċju tagħna flimkien mal-Karta tal-Identita` tiegħek.
  4. Normalment ma hemmx bżonn ċertifikati jekk int imwieled/imwielda Malta u/jew iċ-certifikat tat-twelid tiegħek huwa reġistrat fir-Reġistru Pubbliku. 
  5. Ir-ritratti jittieħdu fl-Uffiċċju tal-Passaporti.
  6. Ħallas tariffa ta’ €70 meta tissottometti l-applikazzjoni.
  7. Għandek tiġbor personalment il-passaport tiegħek wara erbat ijiem ta’ xogħol.
  8. Il-passaport il-ġdid tiegħek huwa validu għal 10 snin*.

 

·        Passaport ġdid għall-ewwel darba (persuni taħt it-18-il sena)

 

  1. Imla l-Formola A f’isem il-minur.
  2. Ir-rakkomandant tiegħek (persuna professjonali jew qassis) għandu jimla u jiffirma Sezzjoni 7 u 8 tal-Formola A.
  3. F’każ ta’ minuri ta’ bejn is-6 snin u 13-il sena, dejjem ġib miegħek ritratt iffirmat tat-tifel/tifla tiegħek.  Dan għandu jkun iffirmat mill-istess rakkomandant.
  4. Ġib il-Formola A flimkien mal-Karta tal-Identita` taż-żewġ ġenituri.
  5. Ejja l-Uffiċċju tagħna flimkien mat-tifel/tifla tiegħek (u r-ritratt iffirmat) ħalli neħdulu/ha r-ritratt bijometriku jekk it-tifel/tifla għandu/ha 6 snin jew aktar.
  6. Jekk it-tifel/tifla tiegħek għandu/ha inqas minn 6 snin, ġib miegħek żewġ ritratti u l-Formola A ffirmata mir-rakkomandant.  It-tifel/tifla m’hemmx għalfejn jiġi/tiġi.
  7. Normalment ma hemmx bżonn ċertifikati jekk it-tifel/tifla tiegħek kien/kienet imwieled/imwielda Malta u/jew iċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu/tagħha huwa reġistrat fir-Reġistru Pubbliku. Jekk le, ikollok bżonn iġġib ċertifikat oriġinali tat-twelid tat-tifel/tifla.
  8. Ir-ritratti tat-tifel/tifla tiegħek jittieħdu fl-Uffiċċju tagħna.
  9. Ħallas €35 bħala tariffa jekk it-tifel/tifla tiegħek għandu/ha bejn l-10 u 15-il sena.  Il-passaport ikun validu għal 5 snin*.
  10. Ħallas €14 bħala tariffa jekk l-eta` tat-tifel/tifla tiegħek hi taħt l-10 snin. Il-passaport ikun validu għal sentejn *.
  11. Wara erbat ijiem ta’ xogħol, wieħed mill-ġenituri għandu jiġi personalment biex jiġbor il-passaport tat-tifel/tifla.  Dejjem ġib miegħek il-Karta tal-Identita` tiegħek.

 

·        Biex iġġedded il-passaport tiegħek (persuni ‘l fuq minn 18-il sena)

 

1.      Imla u ffirma l-applikazzjoni Formola A.

2.      Ġib il-Formola A personalment flimkien mal-Karta tal-Identita` tiegħek.

3.      Ġib miegħek il-passaport kurrenti tiegħek. 

4.      Ir-ritratti jittieħdu fl-Uffiċċju tagħna.

5.      Ħallas tariffa ta’ €70 meta tissottometti l-applikazzjoni.

6.      Tkun tista’ tiġbor il-passaport tiegħek billi tiġi personalment wara erbat ijiem ta’ xogħol. 

7.      Il-passaport il-ġdid ikun validu 10 snin*.

 

·        Biex iġġedded il-passaport tiegħek (persuni taħt it-18-il sena)

 

1.      Imla Formola A f’isem il-minur.

2.      Ir-rakkomandant tiegħek (persuna professjonali jew qassis) għandu jimla u jiffirma Sezzjonijiet 7 u 8 tal-Formola A. 

3.      F’każ ta’ minuri ta’ bejn is-6 snin u 13-il sena, dejjem ġib miegħek ritratt iffirmat tat-tifel/tifla tiegħek.  Dan għandu jkun iffirmat mill-istess rakkomandant.

4.      Ġib miegħek il-Formola A flimkien mal-Karta tal-Identita` taż-żewġ ġenituri.

5.      Ġib miegħek il-passaport kurrenti tat-tifel/tifla tiegħek.

6.      Ġib miegħek it-tifel/tifla tiegħek (u r-ritratt iffirmat) jekk dan/din għandu/ha 6 snin jew iktar sabiex neħdulu/ha ritratt (xbieha bijometrika tal-wiċċ) fl-Uffiċċju tagħna.

7.      Ġib miegħek żewġ ritratti u l-Formola A ffirmati mir-rakkomandant jekk it-tifel/tifla tiegħek għandu/ha inqas minn 6 snin.  Mhux meħtieġ li t-tifel/tifla tiegħek tiġi l-Uffiċċju tagħna.

8.      Ir-ritratti tat-tifel/tifla tiegħek jittieħdu fl-Uffiċċju tagħna.

9.      Ħallas €35 bħala tariffa jekk it-tifel/tifla tiegħek għandu/ha bejn l-10 u 15-il sena.  Il-passaport ikun validu għal 5 snin*.

10. Ħallas €14 bħala tariffa jekk l-eta` tat-tifel/tifla tiegħek hi taħt l-10 snin. Il-passaport ikun validu għal sentejn *.

11. Wara erbat ijiem ta’ xogħol, wieħed mill-ġenituri għandu jiġi personalment biex jiġbor il-passaport tat-tifel/tifla.  Dejjem ġib miegħek il-Karta tal-Identita` tiegħek.

 

·        Applikazzjoni jew tiġdid tat-Tieni passaport

 

1.      Imla u ffirma l-applikazzjoni Formola A.

2.      Ġib il-Formola A personalment flimkien mal-Karta tal-Identita` tiegħek.

3.      Ġib il-passaport kurrenti tiegħek. 

4.      Ġib ittra formali indirizzata lid-Direttur, Passaporti u Reġistrazzjoni Ċivili, fejn fiha titlob li jinħariġlek it-Tieni passaport u fejn tagħti r-raġuni għal din it-talba tiegħek.

5.      Ir-ritratti jittieħdu fl-Uffiċċju tagħna.

6.      Ħallas tariffa ta’ €120 (kull eta’) meta tissottometti l-applikazzjoni.

7.      Tkun tista’ tiġbor il-passaport tiegħek personalment wara erbat ijiem ta’ xogħol. 

8.      Il-passaport il-ġdid ikun validu għal 10 snin*.

 

It-talba tiegħek għat-Tieni passaport tista’ tiġi miċħuda mid-Direttur mingħajr preġudizzju.  F’dan il-każ, inti tkun intitolat għall-ħlas kollu meta tissottometti l-irċevuta.  Aħna ma nkunux f’pożizzjoni li nagħtu lura flus kontanti (sakemm ma tiġix lura l-uffiċċju tagħna f’dik l-istess ġurnata li tkun applikajt), imma nibagħtu ċekk bl-ammont ta’ flus li tkun ħallast fi żmien 3 xhur.

 

·        Passaport Diplomatiku

 

1.      Imla u ffirma l-applikazzjoni Formola A.

2.      Ġib il-Formola A personalment flimkien mal-Karta tal-Identita` tiegħek.

3.      Ġib il-passaport li għandek bħalissa. 

4.      Ir-ritratti jittieħdu fl-Uffiċċju tagħna.

5.      Ħallas tariffa ta’ €35 permezz ta’ Fund Transfer Voucher (kull eta’) meta tissottometti l-applikazzjoni.

6.      Tkun tista’ tiġbor personalment il-passaport tiegħek wara erbat ijiem ta’ xogħol. 

7.      Il-passaport Diplomatiku jkun validu għal sentejn jew 5 snin.

 

Dan id-dokument jinħareġ biss bl-awtorita` tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, u bl-approvazzjoni tad-Direttur Passaporti u Reġistrazzjoni Ċivili, lil persuni li jgawdu minn status diplomatiku u lil mara/raġel jew tfal tagħhom. 

 

Fil-każ tal-minuri, jekk jogħġbok imxi mal-istruzzjonijiet iktar 'il fuq dwar applikazjonijiet għal passaport tal-minuri.

 

·        Dokument tal-Ivvjaġġar tar-Refuġjati (Konvenzjoni tat-28 ta’ Lulju 1951) (etajiet kollha)

 

1.      Imla u ffirma l-Formola A.

2.      Ir-rakkomandant tiegħek (persuna professjonali jew qassis) li jkun ilu jafek mill-inqas sentejn, għandu jimla u jiffirma Sezzjoni 8 tal-Formola A.

3.      Ġib il-Formola A personalment flimkien mal-Karta tal-Identita`.

4.      Ġib miegħek iċ-Ċertifikat ta’ Refuġjat maħruġ mill-Kummissjoni tar-Refuġjati.

5.      Ir-ritratti jittieħdu fl-Uffiċċju tal-Passaporti.

6.      Ħallas tariffa ta’ €55 (kull eta’) meta tissottometti l-applikazzjoni.

7.      Tkun tista’ tiġbor personalment il-passaport tiegħek wara erbat ijiem ta’ xogħol. Fil-każ ta’ minuri li huma taħt it-18-il sena, wieħed mill-ġenituri jrid jiġi personalment l-uffiċċju tagħna bil-Karta tal-Identita` tiegħu/tagħha.

8.      Il-passaport il-ġdid tiegħek huwa validu għal 3 snin.

 

Fil-każ tal-minuri, jekk jogħġbok imxi mal-struzzjonijiet iktar 'il fuq dwar applikazzjonijiet għal passaport tal-minuri. Għandek dejjem iġġib miegħek iċ-Ċertifikat ta’ Refuġjat meta tiġi l-uffiċċju tagħna.

 

·        Passaport ta’ Stranġier (etajiet kollha)

 

1.      Imla l-Formola H tal-applikazzjoni li tinkiseb biss minn Dar l-Emigrant.

2.      Ħu l-Formola H għand Dar l-Emigrant sabiex timtela’ u tiġi ffirmata Sezzjoni 8. Fil-każ ta’ minuri (applikanti taħt it-18-il sena), Sezzjoni 7 trid tiġi mimlija u ffirmata wkoll minn Dar l-Emigrant u din trid tkun iffirmata miż-żewġ ġenituri.

3.      Meta tiġi infurmat li l-applikazzjoni tiegħek ġiet approvata mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru responsabbli mill-immigrazzjoni, ejja personalment l-Uffiċċju tagħna u ġib miegħek il-Karta tal-Identita`.

4.      Ir-ritratti jittieħdu fl-Uffiċċju tal-Passaporti.

5.      Ħallas tariffa ta’ €37 (kull eta’) meta tissottometti l-applikazzjoni.

6.      Għandek tiġbor personalment il-passaport tiegħek wara ħmistax -il ġurnata ta’ xogħol.

7.      Fil-każ ta’ minuri li huma taħt it-18-il sena, wieħed mill-ġenituri irid jiġi personalment l-uffiċċju tagħna bil-Karta tal-Identita` tiegħu/tagħha.

8.      Il-passaport il-ġdid tiegħek huwa validu għal sena.

 

Jekk jogħġbok ġib miegħek iċ-Ċertifikat ta’ Sussidjarjeta` jew iċ-Ċertifikat ta’ status Umanitarju maħruġ mill-Kummissjoni tar-Refuġjati meta tiġi biex tapplika.

 

·        Passaport Kollettiv għal gruppi ta’ mhux inqas minn 5 minuri

 

1.      Iġbor il-formola tal-applikazzjoni mingħand l-Uffiċċju tal-Passaporti.

2.      Iġbor ukoll il-formola tal-Kunsens tal-Ġenituri għal kull wieħed mill-minuri fil-grupp.

3.      Agħti kopja tal-formola tal-Kunsens tal-Ġenituri lil kull ġenitur tat-tifel/tifla li hemm fil-grupp u iġborhom lura ffirmati miż-żewġ ġenituri u minn rakkomandant.

4.      Issottometti żewġ ritratti identiċi ta’ daqs ta’ passaport (bil-kulur) ta’ kull tifel/tifla li hemm fil-grupp.  Wieħed minn dawn ir-ritratti għandu jkun iffirmat mir-rakkomandant li jrid jiffirma wkoll il-formola tal-Kunsens tal-Ġenituri.

5.      Il-Kap tal-Grupp, li jrid ikun persuna adulta, għandu jiġi personalment l-Uffiċċju tagħna u jissottometti r-ritratti u l-formola tal-kunsens għal kull tifel/tifla fil-grupp.

6.      Il-Kap tal-Grupp għandu jġib miegħu l-passaport tiegħu/tagħha u l-Karta tal-Identita` meta jissottometti dawn id-dokumenti.

7.      Ħallas tariffa ta’ €85.

8.      Għandek tiġbor personalment il-Passaport Kollettiv ġimgħa wara li tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni.

9.      Il-Passaport Kollettiv ikun validu għall-perjodu tal-vjaġġ.

10. Passaporti Kollettivi jinħarġu biss lil ċittadini Maltin u f’dan il-passaport jistgħu jiġu inklużi biss tfal taħt is-sittax-il sena.

 

·        Dokument ta’ Urġenza lil ċittadini Maltin

 

1.      Dokument ta’ Urġenza huwa dokument li jista’ jintuża minflok passaport u jinħareġ lil ċittadini Maltin.

2.      Huwa validu biss għal vjaġġ biex toħroġ barra minn Malta.  Dan id-dokument ma jistax jintuża biex tirritorna lura Malta bih.

3.      Imla l-Formola A. Ir-rakkomandant tiegħek (persuna professjonali jew qassis) li jkun ilu jafek mill-inqas sentejn, għandu jimla u jiffirma Sezzjoni 8 tal-Formola.

4.      Issottometti żewġ ritratti identiċi ta’ daqs ta’ passaport (bil-kulur).  Wieħed minn dawn ir-ritratti għandu jkun iffirmat mil-istess rakkomandant li jkun iffirma Formola A.

5.      Ġib miegħek il-biljett tal-ajru meta tiġi l-Uffiċċju tagħna.

6.      Id-Dokument ta’ Urġenza huwa validu biss għal dawk id-dati u destinazzjonijiet imniżżla fuq il-biljett tal-ajru.

7.      Ħallas tariffa ta’ €8 (kull eta) meta tissottometti l-applikazzjoni.

8.      Għandek tiġbor personalment id-Dokument ta’ Urġenza wara jumejn ta’ xogħol.

9.      Fil-każ ta’ minuri, Sezzjoni 7 tal-Formola A trid tkun iffirmata miż-żewġ ġenituri u mir-rakkomandant li jkun iffirma r-ritratt u Sezzjoni 8. Għandek iġġib miegħek il-Karta tal-Identita` taż-żewġ ġenituri meta tiġi biex tissottometti l-formola.  Fil-każ ta’ minuri li huma taħt it-18-il sena, wieħed mill-ġenituri jrid jiġi personalment biex jiġbor dan id-Dokument ta’ Urġenza.

10. Dejjem ġib miegħek il-Karta tal-Identita` jew il-passaport meta tiġi l-uffiċċju tagħna.

 

·        Dokument ta’ Identita` għall-barranin

 

1.      Dokument ta’ Identita` huwa dokument tal-ivvjaġġar li jista’ jintuża minflok passaport minn barranin.

2.      Dan jinħareġ għall-vjaġġ tiegħek lura f’pajjiżek.  Dan id-dokument ma jkunx tajjeb biex tiġi bih lura Malta. 

3.      Imla l-Formola A. Ir-rakkomandant tiegħek (persuna professjonali jew qassis) li jkun ilu jafek mill-inqas sentejn, għandu jimla u jiffirma Sezzjoni 8 tal-Formola.

4.      Issottometti żewġ ritratti identiċi ta’ daqs ta’ passaport (bil-kulur).  Wieħed minn dawn ir-ritratti għandu jkun iffirmat mill-istess rakkomandant li jkun iffirma Formola A.

5.      Ġib miegħek il-biljett tal-ajru meta tiġi l-Uffiċċju tagħna.

6.      Id-Dokument ta’ Identita` huwa validu biss għal dawk id-dati u destinazzjonijiet imniżżla fuq il-biljett tal-ajru.

7.      Ħallas tariffa ta’ €8 meta tissottometti l-applikazzjoni.

8.      Għandek tiġbor personalment id-Dokument ta’ Identita` wara jumejn ta’ xogħol.

9.      Fil-każ ta’ minuri, Sezzjoni 7 tal-Formola A trid tkun iffirmata miż-żewġ ġenituri u mir-rakkomandant li jkun iffirma r-ritratt u Sezzjoni 8. Għandek iġġib miegħek il-Karta tal-Identita` taż-żewġ ġenituri meta tiġi biex tissottometti l-formola.  Fil-każ ta’ minuri li huma taħt it-18-il sena, wieħed mil-ġenituri jrid jiġi personalment biex jiġbor dan id-Dokument ta’ Identita`.

10. Dejjem ġib miegħek il-Karta tal-Identita` jew il-passaport meta tiġi l-uffiċċju tagħna.

11. Dawk il-barranin li jiġu minn pajjiżi li għandhom Ambaxxata hawn Malta jridu jitolbu l-assistenza minn dawn l-ambaxxati rispettivi.  L-Uffiċċju tal-Passaporti ma jipproċessax applikazzjonijiet ta’ dawn il-barranin.

 

·        Tissostitwixxi passaport mitluf, misruq jew distrutt

 

  1. Jekk il-passaport tiegħek intilef, insteraq jew ġie distrutt, għandek tapplika għal passaport ġdid.
  2. Imla u ffirma l-Formola A.
  3. Ir-rakkomandant tiegħek (persuna professjonali jew qassis) li jkun ilu jafek mill-inqas sentejn, għandu jimla u jiffirma Sezzjoni 8 tal-Formola A.
  4. Ġib il-Formola A personalment l-Uffiċċju tagħna flimkien mal-Karta tal-Identita`.
  5. Ġib miegħek ir-rapport tal-Pulizija fejn tiddikjara kif il-passaport tiegħek ġie mitluf, misruq jew distrutt.
  6. Ħu ġurament jew agħmel dikjarazzjoni solenni fl-Uffiċċju tagħna, fejn tagħti d-dettalji, il-post fejn tlift jew fejn ġie distrutt il-passaport tiegħek.
  7. Ir-ritratti jittieħdu fl-Uffiċċju tal-Passaporti.
  8. Ħallas tariffa ta’ €80 meta tissottometti l-applikazzjoni (€70 għall-passaport u €10 għad-dikjarazzjoni solenni).
  9. Għandek tiġbor personalment il-passaport tiegħek wara erbat ijiem ta’ xogħol.
  10. Il-passaport il-ġdid tiegħek huwa validu għal 10 snin*.

 

·        Traduzzjoni bl-Għarbi fuq il-Passaport

 

1.      Imla l-Formola għat-Traduzzjoni għall-Ġħarbi li tista’ takkwista mill-Uffiċċju tal-Passaporti.

2.      Ġib miegħek il-passaport u l-Karta tal-Identita`.

3.      Ħallas tariffa ta’ €6 meta tissottometti l-applikazzjoni.

4.      Għandek tiġbor personalment il-passaport tiegħek wara jumejn ta’ xogħol.

 

·        Applikazzjonijiet urġenti fi żmien 4 sigħat

 

L-Uffiċċju tagħna jipprovdi wkoll servizz ta’ emerġenza.  Il-ħlas għal dan is-servizz huwa ta’ €120, kull eta`. Għandek tiġbor il-passaport il-ġdid tiegħek wara 4 sigħat, sakemm inti tkun ġejt tapplika l-uffiċċju tagħna nhar ta’ Tnejn, Tlieta, Ħamis u Ġimgħa qabel l-10.00a.m., u nhar ta’ Erbgħa qabel is-2p.m.  Fil-ġranet l-oħra tal-ftuħ u nhar ta’ Sibt, passaporti urġenti jinħarġu wara ġurnata ta’ xogħol.

 

Biex tissostitwixxi passaport b’urġenza li jkun mitluf/misruq jew distrutt, trid tħallas tariffa ta’ €130, kull eta`. Dan jinkludi l-ħlas għad-dikjarazzjoni /ġurament solenni.  Iżda, billi jkun hemm bżonn li aħna ninvestigaw mal-Awtoritajiet tal-Pulizija r-rapport li tkun għamilt tal-passaport il-mitluf, ma nkunux nistgħu noħorġu dan il-passaport urġenti fi żmien 4 sigħat, imma noħorġu l-passaport ġdid wara ġurnata ta’ xogħol.

 

Fil-każ tat-Tieni passaport, is-servizz ta’ emerġenza jingħata għal ħlas ta’ €240 (kull eta). It-talba tiegħek għat-Tieni passaport tista’ tiġi miċħuda mid-Direttur mingħajr preġudizzju.  F’dan il-każ, inti tkun intitolat għal ħlas kollu lura meta tissottometti l-irċevuta.  Aħna ma nkunux f’pożizzjoni li nagħtu lura flus kontanti (sakemm ma tiġix lura f’dik l-istess ġurnata li tkun applikajt), imma nibagħtu ċekk bl-ammont ta’ flus li tkun ħallast fi żmien 3 xhur.

 

·        Servizz tal-passaport fuq bażi ta’ 24 siegħa

 

1.      Dan is-servizz ta’ emerġenza huwa pprovdut lil persuni li jkunu jeħtieġu passaport f’każijiet urġenti biss.

2.      Għandek l-ewwel tagħmel kuntatt mal-Awtoritajiet tal-Immigrazzjoni fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li jinfurmawk bl-isem tal-uffiċjal responsabbli fl-Uffiċċju tal-Passaporti.

3.      L-uffiċjal responsabbli fl-Uffiċċju tal-Passaporti jagħtik l-informazzjoni kollha meħtieġa biex inti tkun tista’ tapplika għal dan is-servizż tal-passaport fuq bażi ta’ 24 siegħa.

4.      L-uffiċċju tagħna jipprovdi s-servizz ta’ emerġenza wara l-ħinijiet uffiċjali tal-ftuħ sakemm inti tavża lill-uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Passaporti mill-inqas 4 sigħat qabel tiġi bżonn dan is-servizz.  Dan is-servizz ma jingħatax f’inqas minn 4 sigħat.

5.      Ejja l-uffiċċju tagħna fil-ħin li tkun ftehimt mal-uffiċjal responsabbli fl-Uffiċċju tal-Passaporti.  Ir-ritratti jittieħdu fl-Uffiċċju tal-Passaporti.

6.      Ħallas tariffa ta’ €165 (kull eta’).

7.      Il-passaport il-ġdid tiegħek huwa validu għal 10 snin*.

8.      Jekk il-passaport tiegħek intilef, insteraq jew ġie distrutt, ma nkunux nistgħu noħorġu passaport ġdid wara l-ħinijiet uffiċjali tal-ftuħ. 

 

* Ċertu restrizzjonijiet jistgħu japplikaw.

 

·        Persuni li ma jistgħux jiġu personalment

 

1.      Jekk inti ma tistax tiġi personalment l-uffiċċju tagħna minħabba raġunijiet ta’ saħħa jew mard, tista’ titlob wieħed mill-qraba tiegħek biex japplika/tapplika f’ismek.  Kundizzjonijiet ta’ mard ħafif jew tranżitorju mhux raġunijiet aċċettabbli biex inti ma tiġix tapplika personalment.

2.      Imla u ffirma l-Formola A.

3.      Ikseb Image Capture Application Form (ICAF) mill-uffiċċju tagħna jew mill-websajt. Waħħal ritratt riċenti tiegħek u ffirma fil-kaxxa provduta. Il-kwalita` tar-ritratt għandu jkun kif deskritt fin-noti li hemm mal-Formola A tal-applikazzjoni u għandhom ikunu meħuda f’dawn l-aħħar tliet xhur.  Iffirma l-formola tal-ICAF bl-inka sewda.

4.      Ibgħat il-qarib/a tiegħek b’dawn id-dokumenti:

· Formola A

· ir-ritratti tiegħek

· l-Image Capture Application Form

· il-passaport preżenti tiegħek u

· il-Karta tal-Identita` tiegħek.

5.      Ibgħat ċertifikat mediku (iffirmat mit-tabib tiegħek) li jikkonferma l-kundizzjoni medika tiegħek u r-raġuni għaliex ma tistax tiġi personalment biex tapplika u tiġbor il-passaport tiegħek. Il-persuna li se tapplika u tiġbor il-passaport tiegħek għandu/ha jkun/tkun indikat/a fuq iċ-ċertifikat mediku.  Ir-ritratti u ċ-ċertifikat mediku li jiġu sottomessi jsiru parti mid-dokumenti uffiċjali tagħna u ma jingħatawx lura.

6.      Il-qarib/a li se jissottometti/tissottometti  l-applikazzjoni tiegħek jrid iġib/trid iġġib  wkoll il-Karta tal-Identita` tiegħu/tagħha.  

7.      Aħna nieħdu scan tar-ritratti tiegħek u jekk dawn jilħqu l-istandards maqbula internazzjonalment, il-qarib/a tiegħek ikun/tkun  mitlub/a li jħallas/tħallas it-tariffa meta jissottometti/tissottometti  l-applikazzjoni.

8.      L-istess qarib/a tiegħek ġħandu/ha jiġbor/tiġbor il-passaport tiegħek wara erbat ijiem ta’ xogħol u jġib miegħu/magħha il-Karta tal-Identita` tiegħu/tagħha u l-Karta tal-Identita` tiegħek.

9.      Nistgħu nirrifjutaw li nipproċessaw l-applikazzjoni tiegħek jekk ma nistgħux nikkonfermaw l-identita` vera tiegħek mid-dokumenti li inti tissottometti.  F’dan il-każ, inti tista’ tintalab li tforni iktar dokumenti biex tissustanzja l-identita` tiegħek.

 

IMPORTANTI!

 

1.                  Hija r-responsabilita` tiegħek li tiżgura l-validita` tal-passaport tiegħek qabel tippjana biex tivvjaġġa.  Għalhekk, l-Uffiċċju tal-Passaporti mhux bl'ebda mod responsabbli għad-danni li inti tista’ ssofri jekk aħna ma nipprovdux dan is-serivzz.

 

2.                  Il-passaport bijometriku Malti fih elettronika sensittiva avanzata u sigurtajiet oħra u għalhekk jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet meta aħna ma nkunux f’pożizzjoni li nipproċessaw passaporti ġodda wara l-ħinijiet tal-ftuħ u fil-ħinijiet kif speċifikati iktar 'il fuq.  Dan jista’ jkun minħabba updates fis-sistema tal-passaporti, upgrades, back-ups u shut-downs li normalment isiru wara l-ħinijiet tal-għeluq tal-uffiċċju.   L-Uffiċċju tal-Passaporti jieħu ħsieb li jagħmel dak il-manteniment meħtieġ fis-sistema, mingħajr ma javża minn qabel lill-pubbliku.  F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-servizz fuq bażi ta’ 24 siegħa jkun sospiż.  Inti tkun infurmat b’dan meta tagħmel kuntatt mal-uffiċjal responsabbli fl-Uffiċċju tal-Passaporti.

 

3.                  Dan is-servizz jingħata lil ċittadini Maltin BISS li jitolbu l-ħruġ ta’ passaport Malti. Persuni ta’ nazzjonalita barranija li jkollhom bżonn dokument tal-ivvjaġġar barra l-ħinijiet tal-ftuħ tal-uffiċċju tagħna, huma mitluba li jitolbu l-assistenza mill-Ambaxxati u/jew Konsulati rispettivi tagħhom. 

 

Biex tbiddel id-dettalji fuq il-passaport tiegħek

 

Jekk id-dettalji personali tiegħek inbidlu minħabba żwieġ, annullament, separazzjoni jew divorzju, ikun meħtieġ li tapplika għal passaport ġdid biex tbiddel dawn id-dettalji personali. F’dawn il-każijiet, it-tariffa trid titħallas kollha.  Tibdil fl-isem u/jew kunjom b’Deed Poll, ma jiġux aċċettati jekk dawn ma jkunux reġistrati fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta.

 

Separazzjonijiet, kunsens tal-ġenituri u kustodja tat-tfal

 

1.          Jekk inti ġenitur separat u trid tapplika għall-passaport tat-tifel/tifla tiegħek, ikollok bżonn il-kunsens taż-żewġ ġenituri.  Il-maġġoranza tal-ġenituri separati jkollhom il-kura u l-kustodja tat-tifel/tifla/tfal tagħhom. Dan ma jfissirx li ġenitur minnhom jista’ japplika għall-passaport tat-tifel/tifla tiegħu/tagħha mingħajr il-kunsens tal-parti l-oħra. Għalhekk aħna jkollna bżonn il-kunsens taż-żewġ ġenituri biex jinħareġ passaport ta’ minur.  Li jingħata kunsens huwa legalment differenti milli jkollok il-kura u l-kustodja.

 

2.          Jekk wieħed mill-ġenituri jirrifjuta li jagħti/tagħti l-kunsens tiegħu/tagħha biex jinħareġ il-passaport tat-tifel/tifla, il-ġenitur l-ieħor/oħra jrid/trid  jirrikorri/tirrikorri għand il-Qorti tal-Familja biex iġib/iġġib  l-awtorizzazzjoni.

 

3.          Jekk wieħed mill-ġenituri huwa msiefer, il-kunsens irid jintbagħat fl-eqreb Ambaxxata Maltija jew Konsulat.  Ir-rappreżentant barra minn Malta jivverifika l-identita` tal-ġenitur u l-kunsens jintbagħat lil-Uffiċċju tal-Passaporti Malta mill-Ambaxxata.  Il-kunsens ma jistax jintbagħat bil-fax, email jew posta imma jrid jiġi mibgħut kif diġa semmejna.

 

Billi jista’ jagħti l-każ li inti jkollok raġunijiet personali oħra u kull każ huwa differenti, inti mitlub li tkellem lill-membru tal-istaff tagħna li jkun jista’ jgħinek u jagħtik l-informazzjoni li inti tista’ teħtieġ.

 

Aktar dettalji dwar is-servizzi tagħna jistgħu jinkisbu mill-websajt www.passaporti.gov.mt.  Jekk inti tixtieq tkellimna fil-privat fuq il-każ tiegħek, jekk jogħġbok għamel kuntatt mal-Kap tas-Sezzjoni fuq in-numru tat-telefon 2220 9100.

 

Kundizzjonijiet fl-użu tal-passaport tiegħek

Il-passaport bijometriku fih elettronika sensittiva.  Għall-aħjar effiċjenza u biex il-garanzija ma ssirx invalida, jekk jogħġbok:

1.      tgħawwiġx, tgħaffiġx, jew tilwix il-passaport.  Il-massimu li jista’ jitgħawweġ dan id-dokument huwa 10mm.  Il-passaport m’għandux jinġarr fil-ħwejjeġ li jikkaġunaw tagħwiġ, bħal bwiet ta’ wara jew ta’ quddiem tal-qliezet.

2.      ittaqqbux

3.      evita li tesponih għal temperatura ta’ anqas minn -10˚C u aktar minn +50˚C

4.      evita li tesponih għall-umdita` eċċessiva

5.      tgħaddasx f’likwidi.

 

Il-passaport għandu jiġi merfugħ f’post nadif, niexef u protett mir-raġġi UV, stress mekkaniku, grif jew għerik.  Impatt eċċessiv li jwassal għall-marki viżibbli jew indentazzjonijiet għandhom jiġu evitati.

 

Kull attentat biex jiġi modifikat jew attentati ta’ manipulazzjoni tal-passaport, ukoll jaffettwa l-garanzija ta’ dan id-dokument. In-nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet jirriżulta fil-passaport jiġi mibdul a spejjeż tal-applikant.

 

Il-ħlas tat-tariffi

It-tariffi kollha tal-passaporti jridu jitħallsu bil-quddiem.  It-tariffi kurrenti huma kif ġejjin:

 

PASSAPORT GĦAL PERSUNI LI GĦALQU 16-IL SENA                                    €70

PASSAPORT GĦAL MINURI BEJN 10 U 15-IL SENA                                         €35

PASSAPORT GĦAL TFAL TAĦT L-10 SNIN                                                           €14

AMMINISTRAZZJONI TA’ ĠURAMENT (passaporti biss)                                    €10

TRADUZZJONI BL-GĦARBI FUQ IL-PASSAPORT                                                €6

PASSAPORT KOLLETTIV                                                                                            €85

DOKUMENT TA’ IDENTITÀ / DOKUMENT TA’ EMERĠENZA                           €8

PASSAPORT DIPLOMATIKU (maħruġ biss b’awtorità)                                         €35

DOKUMENT TAL-IVVJAĠĠAR TAR-REFUĠJATI (kull eta’)                             €55

PASSAPORT GĦAL STRANĠIER (kull eta’)                                                          €37

IT-TIENI PASSAPORT (maħruġ b’awtorità speċjali)                                            €120

PASSAPORT URĠENTI (maħruġ fi żmien 4 sigħat)                                             €120

PASSAPORT URĠENTI (maħruġ wara l-ħin tax-xogħol u f’każijiet speċjali biss)            €165

Jekk ma tkunx sodisfatt/a bis-servizz tagħna

Is-sodisfazzjon sħiħ tiegħek huwa essenzjali għalina. Aħna niflu l-ilmenti kollha tiegħek, għax dawn jgħinuna ħafna biex intejbu s-servizz tagħna.

Kull meta tixtieq tagħmel xi lment, tajjeb li qabelxejn tkellem lill-persuna li tkun servietek. Jekk xorta waħda tħossok m'intix sodisfatt/a, tista' tkellem jew tikteb lill-Kap tal-Uffiċċju.  Dan jisma l-każ tiegħek u jara kif dan jista’ jiġi solvut. L-Uffiċjal imbagħad jinvestiga l-ilment tiegħek u jagħtik tweġiba fi żmien sebat ijiem tax-xogħol.

Jekk tibqa’ mhux sodisfatt/a bit-tweġiba tagħna, jekk jogħġbok ikteb lil:

 

Id-Direttur

Direttorat tal-Passaporti u r-Reġistrazzjoni Ċivili

Evans Building

Triq il-Merkanti

Valletta VLT 2000

 

Tista’ wkoll twassal l-ilment tiegħek bil-fax fuq in-numru 2124 5328 jew tibagħtilna e-mail fl-indirizz civil.registration@gov.mt.  Aħna nagħmlu ħilitna biex naraw li tieħu sodisfazzjon mill-aktar fis possibbli wara li nkunu investigajna l-każ.

Nitgħallmu mingħandek

Napprezzaw ħafna r-reazzjonijiet u l-ideat tiegħek, sabiex naċċertaw ruħna li qed nipprovdulek dak li tassew teħtieġ. Dan tista' tagħmlu billi, jekk għandek xi suġġeriment, inti mitlub li tkellem wieħed/waħda mill-uffiċjali tagħna jew, jekk tippreferi, lill-Kap tal-Uffiċċju.  Tista’ wkoll tħalli l-kummenti tiegħek fil-kaxxa tas-suġġerimenti li ssib fil-bini tagħna jew tħallihom mar-receptionist. Aħna nilqgħu kull kumment jew suġġeriment li jista’ jgħinna ntejbu s-servizzi tagħna.

Aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nagħtuk l-aħjar servizz possibbli.  Dejjem lesti li nagħtuk l-għajnuna li teħtieġ u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex iż-żjara tiegħek lill-Uffiċċju tagħna tkun waħda pjaċevoli.

 

Kull informazzjoni f’dan il-fuljett hija korretta sakemm morna għall-istampa.