Introduzzjoni
B’dan iċ-Charter
aħna nixtiequ li intom issiru tafu aħjar id-Dipartiment ta’ l-Eżamijiet
u x-xogħol li nagħmlu hawnhekk. L-impenn tagħna hu li ma’ l-istudenti,
l-għalliema u l-pubbliku in ġenerali nimxu b’mod xieraq u ġust.
Qegħdin hawn biex noffru servizz ta’ kwalita’.
Kif
tista’ tikkuntattjana
Tista’ żżurna fl-uffiċċju
tagħna jew tiktbilna f’dan l-indirizz:
Dipartiment ta’ l-Eżamijiet
Triq l-Assedju l-Kbir
Floriana CMR 02
Aħna miftuħin
mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8.00 a.m. sal-5.00 p.m. bejn l-1 ta’
Ottubru u l-15 ta’ Ġunju u mit-8.00 a.m. sas-1.00 p.m. bejn is-16 ta’
Ġunju u t-30 ta’ Settembru.
Tista’ taghmel kuntatt
mal-Customer Service Unit billi:
tibaghtilna e-mail fuq:
exams.department@gov.mt
tidhol fuq il-website tad-Dipartiment:http://www.exams.gov.mt
Tista’ tikkuntattja ċ-Ċentru
ta’ l-Eżamijiet ġewwa Għawdex. L-indirizz huwa:
Ċentru ta’ l-Eżamijiet
- Għawdex
Triq Fortunato Mizzi
Rabat
Għawdex VCT 102
Inti tista’:
-
cempel fuq: 21558341 u
21556287
-
tibghat fax fuq: 21558326
-
tibghat e-mail fuq:
exams.gozo@gov.mt
Hemmhekk inkunu miftuħin
mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-7.15 a.m. u l-4.45 p.m. bejn l-1 ta’
Ottubru u l-15 ta’ Ġunju, u mis-7.00 a.m. sas-1.00 p.m. bejn is-16 ta’
Ġunju u t-30 ta’ Settembru.
Informazzjoni
protetta
Informazzjoni personali
mogħtija hija protetta u tintuża skond l-Att dwar il-Protezzjoni
tad-Data 2001.
Kif
tista’ tgħinna nagħtuk servizz aħjar
Int tista’ tgħinna
billi:
timla l-applikazzjonijiet b’mod
ċar u billi tuża ittri kbar
iġġib miegħek
kull dokument meħtieġ kif ikun hemm imniżżel fuq l-applikazzjoni
tapplika
għall-eżamijiet fil-ħin
taqra sew l-istruzzjonijiet
ta’ l-eżami u t-timetable li nibagħtulek
taqra l-informazzjoni li
jkun hemm esibita fuq it-tabella ta’ l-avviżi tad-Dipartiment.
Is-servizzi
taghna
Fid-Dipartiment ta’ l-Eżamijiet
aħna:
-
nipproċessaw
applikazzjonijiet ta’ l-eżamijiet
-
immexxu
eżamijiet professjonali
-
nallokaw ċentri ta’
l-eżamijiet u mmexxu kull eżami li namministraw aħna
-
inqassmu riżultati u
ċertifikati
-
nagħtu informazzjoni
-
nieħdu ħsieb
talbiet speċjali.
Applikazzjonijiet
għall-eżamijiet
Għal liema eżamijiet
tista’ tapplika?
Tista’ tapplika għal
dawn l-eżamijiet:
-
Eżamijiet lokali u
barranin tal-General Certificate of Education (Matsec, Edxcel (London); AQA
eċċ)
-
Eżamijiet
Vokazzjonali (City & Guilds; London Chamber of Commerce and Industry
eċċ)
-
Eżamijiet
pubbliċi lokali (ingaġġ fis-Servizz Pubbliku, eżamijiet
fis-Servizz Pubbliku; Liċenzji għal Engine Driver (ta’ l-Art),
Ħruġ ta’ Liċenżji ta’ Wireman Liċenzja A u B u
eżamijiet oħra li jkunu pubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern)
Kif tkun taf meta għandek
tapplika?
Aħna ninfurmawk meta
għandek tapplika għall-eżamijiet lokali u barranin tal-General
Certificate of Education u eżamijiet Vokazzjonali billi:
-
nippubblikaw
avviż fil-Gazzetta tal-Gvern, l-istazzjon nazzjonali tar-radju, u fuq
Channel 22 minn tliet ġimgħat qabel il-ftuħ tar-reġistrazzjoni
-
ninfurmaw lill-kunsilli
lokali
-
nfasslu pjan ta’
sena, sa nofs Ottubru li jinkludi d-dati ta’ reġistrazzjoni għal
kull eżami ta’ kull sessjoni u npoġġuh fuq il-bord ta’ l-avviżi
tad-Dipartiment, fuq il-website tagħna http://www.exams.gov.mt,
fiċ-ċentru tagħna ġewwa Għawdex u nqassmuhom fl-iskejjel
kollha u l-Kunsilli Lokali
-
inpoġġu time
tables fuq il-bord ta’ l-avviżi tad-Dipartiment, fuq il-website u
fiċ-Ċentru ta’ l-Eżamijiet ġewwa Għawdex ta’ l-anqas
tlett ġimgħat qabel il-ftuħ ta’ reġistrazzjoni.
Aħna ninfurmawk meta
għandek tapplika għall-eżamijiet pubbliċi lokali billi:
Kif għandek tapplika?
Eżamijiet lokali u
barranin tal-General Certificate of Education u eżamijiet Vokazzjonali
Iġbor l-formoli ta’
l-applikazzjoni mill-Customer Care Unit tad-Dipartiment jew miċ-Ċentru
tal-Eżamijiet tagħna ġewwa Għawdex. Tista’
tagħżel li tniżżel applikazzjoni minn fuq il-website
tagħna fuq http://www.exams.gov.mt,
jew tapplika direttament permezz tas-servizzi tal-e-exams. Il-formoli ta’ l-applikazzjoni
għall-eżamijiet lokali u barranin tal-General Certificate of Education
jistgħu jinġabru mill-iskola tiegħek.
Jekk tagħżel li
tuża s-servizz tal-e-exams, tista’ tidħol fl-applikazzjoni online,
timla d-dettalji personali tiegħek, l-iskola li tattendi fiha, kif ukoll
is-suġġetti li trid tagħmel. Fl-istess applikazzjoni għandek
il-possibilta’ li tħallas online. Meta tibgħat applikazzjoni online,
tista’ tistampa kopja tal-‘proforma invoice’, immarkata ‘Pay Later’.
Jekk il-pagament isir, tista’ tistampa proforma invoice li turi ‘Marked as
Paid’
Is-servizz tal-e-exams
ser ikun aċċessibli mill-ewwel ġurnata ta’ reġistrazzjoni,
u ikun jista’ jintuża 24 siegħa kuljum sal-erba ta’ wara nofsinhar
tat-Tnejn tal-ġimgħa ta’ wara l-għeluq tar-reġistrazzjoni.
Jekk tapplika bil-mod
tradizzjonali, jew tikseb applikazzjoni mill-website, trid timla d-dettalji
kollha inklużi s-suġġetti li trid tagħmel. Wara tkun tista’
tiġi bl-applikazzjoni d-Dipartiment jew ċ-Ċentru
tal-Eżamijiet f’Għawdex, tibgħatha bil-posta, jew
tgħaddiha lill-iskola tiegħek.
Tista’ tibgħat persuna
tal-fiduċja bl-applikazzjoni tiegħek, biex tippreżentaha d-Dipartiment.
Il-formola trid tkun mimlija b’mod korrett, inkluża l-firma tiegħek.
Tinagħtalek/nibagħtulek
irċevuta temporanja, hekk kif d-Dipartiment jilqa’ l-applikazzjoni
tiegħek.
Eżamijiet tal-London
Cħamber of Commerce and Industry
Jekk int interessat li
tapplika għall-eżamijiet tal-London Chamber of Commerce and Industry m’hemmx
regola dwar kemm irid ikollok żmien biex tapplika.
Eżamijiet tas-City and
Guilds of London Institute
Ikollok bżonn l-applikazzjoni
tal-Kap ta’ l-Iskola tiegħek għal dawk is-suġġetti li
jkunu approvati. F’każ ta’ suġġetti li m’hemmx bżonn
approvazzjoni tista’ tapplika għal rasek.
Eżamijiet lokali
pubbliċi
Tista’ tiġbor
il-formola ta’ l-applikazzjoni għall-eżamijiet pubbliċi lokali,
mill-Customer Services Unit, sa minn ħamest ijiem qabel il-ftuħ tar-reġistrazzjoni.
L-applikazzjoni tista’ tinkiseb ukoll mill-website tad-Dipartiment fuq http://www.exams.gov.mt.
Inti tkun mitlub tippreżenta l-formola ta’ l-applikazzjoni fid-Dipartiment
jew fiċ-Ċentru tagħna ġewwa Għawdex. Tista’ tkun
mitlub tehmeż dokumenti oħra bħal ċertifikat tal-kondotta
maħruġ mill-Pulizija, il-karta ta’ l-identita’ flimkien ma’
fotokopja tagħha, riżultati ta’ l-eżamijiet u informazzjoni
relevanti oħra kif mitluba fis-sejħa ta’ l-applikazzjonijiet.
Il-ħlas irid isir meta
int tippreżenta l-formola ta’ l-applikazzjoni. Ikollok bżonn l-karta
ta’ l-identità uffiċjali tiegħek tul l-eżamijiet kollha.
X’jiġri wara li
tapplika?
Eżamijiet lokali u
barranin tal-General Certificate of Education u eżamijiet Vokazzjonali
Fi żmien ġimgħa,
minn meta tibgħat l-applikazzjoni, nibagħtulek invoice bil-posta li
juri l-ammont dovut li trid tħallas u s-suġġetti li int applikajt
għalihom. Jekk jogħġbok, qabel ma tħallas kun żgur li
d-dettalji ta’ l-invoice huma tajbin. Jekk int ma tirċevix l-invoice
fiż-żmien imsemmi, ikkuntattja d-Dipartiment minnufih.
Int għandek
tħallas l-kont tal-ħlas f’waħda mill-fergħat tal-Bank of
Valletta jew tal-HSBC Malta plc, sa mhux aktar tard mid-data li tidher fuq
l-invoice. Wara li tħallas, kun żgur li l-bank jagħtik lura
l-invoice oriġinali, b’timbru li jikkonferma li int ħallast.
Tista’ tagħżel li
tibgħat l-invoice tiegħek flimkien ma’ ċekk bl-ammont
eżatt muri fuq l-invoice, li jkun pagabbli lid-Direttur
tal-Eżamijiet. Id-Dipartiment jibgħatlek irċevuta
tal-ħlas, immarkata ‘Paid’ immedjatament.
Jekk tagħżel li
tibgħat l-applikazzjoni on-line inti tista’ toħroġ mill-ewwel
proforma invoice li turi li l-pagament ġie aċċettat u
tirċievi invoice immarkata ‘Paid’ fi żmien ħamest ijiem minn
meta tkun għamilt il-pagament on-line.
Aħna nibagħtulek
it-timetable personali (bl-index number, id-data u l-ħin ta’ l-eżami),
il-post fejn trid tattendi u l-istruzzjonijiet ta’ l-eżami/eżamijiet
għaxart ijiem qabel id-data ta’ l-eżami. Int għandek
tiċċekja t-time table għal xi żbalji jew ‘misprints’.
Jekk ikun hemm xi problema ikkuntattja lid-Dipartiment fi żmien tlett ijiem
minn meta tirċievi t-timetable.
Jekk żewġ
eżamijiet ta’ bordijiet differenti jinzertawlek fl-istess ġurnata, u
ma jkunux ta’ l-istess suġġett, aħna nistgħu nbiddlu l-ħin
ta’ wieħed mill-eżamijiet, b’kundizzjoni li int tibqa miżmum
taħt superviżjoni stretta bejn eżami u ieħor. Każijiet
bħal dawn bejn eżamijiet tal-Matsec u bordijiet barranin ma jiġux
ikkunsidrati.
Int għandek tinforma lid-Dipartiment
dwar każijiet bħal dawn fi żmien tlett ijiem minn meta
tirċievi t-timetable. Għandek timla formola apposta u tagħtiha
lil Customer Care Unit tad-Dipartiment jew fiċ-Ċentru tagħna
ġewwa Għawdex. Aħna nibagħtulek timetable oħra
bl-arranġamenti l-ġodda.
Eżamijiet pubbliċi
lokali
Aħna nibagħtulek
timetable personali (bid-data u l-ħin ta’ l-eżami), il-post u l-istruzzjonijiet
ta’ l-eżami għaxart ijiem qabel id-data ta’ l-eżami.
Fid-data ta’ l-eżami,
persuna mill-pubbliku preżenti fid-Dipartiment ta’ l-Eżamijiet
tagħżel karta minn tlieta li jkunu ppreparati mill-bord ta’
eżaminaturi dak inhar ta’ l-eżami. Il-karta magħżula
tiġi stampata biex tintuża fl-eżami.
Fil-jum ta’ l-eżami,
ikollok bżonn iġġib miegħek, il-karta ta’ l-identità uffiċjali
tiegħek. Int trid turi din lill-Head of Centre int u dieħel fis-sala
ta’ l-eżamijiet. Wara int tingħata index number li trid tuża
tul l-eżamijiet kollha.
Tmexxija ta’
eżamijiet professjonali
Aħna nieħdu
ħsieb li mmexxu eżamijiet professjonali (Association of Chartered
Certified Accountants ACCA; University of London degrees u l-Institute of
Management Information Systems). Jekk int interessat li tkompli l-istudji
tiegħek u toqgħod għall-eżamijiet professjonali, aħna
noffrulek il-possibiltà li jkollok l-eżamijiet tiegħek immexxija mid-Dipartiment
tagħna. Aħna mmexxu l-eżami billi nipprovdulek is-sala ta’ l-eżami
u l-invigilators. Għal aktar informazzjoni kkuntattja d-Dipartiment.
Identifikazzjoni
Meta tattendi
għall-eżami mmexxi mid-Dipartiment ta’ l-Eżamijiet ikollok
bżonn il-karta tal-identita’ uffiċjali tiegħek. F’każ li
ma jkollokx waħda, jekk jogħġbok infurmana. Sabiex
tinħariġlek karta tal-identita għall-eżamijiet biss, ikollox
bżonn żewġ ritratti tal-passaport (iċċertifikati li
juru l-identita’ tiegħek) u din tkun tista’ tintuża għal waqt
l-eżamijiet.
Tqassim taċ-ċentri
ta’ l-eżamijiet u tmexxija ta’ l-eżamijiet
Aħna marbutin li
kontinwament intejbu s-servizzi tagħna. Bl-isforzi tagħna biex intejbu
s-servizz bħalissa qed ntejbu l-faċilitajiet fiċ-ċentri ta’
l-eżamijiet. Qed jingħataw ukoll lectures lill-invigilators fuq
il-proċeduri u t-tmexxija ta’ l-eżamijiet.
Aħna mmexxu
eżamijiet fi tliet ċentri f’Malta u fiċ-ċentru tagħna
f’Għawdex, kif ukoll fi skejjel differenti madwar Malta.
Dakinhar ta’ l-eżami
ċ-ċentri ta’ l-eżami jkunu miftuħa 20 minuta qabel il-bidu
ta’ l-eżami. Aħna niżguraw li:
-
nippreparaw id-direzzjonijiet
u n-numri tal-kandidati biex int tkun tista’ ssib postok
fiċ-ċentru fl-anqas żmien possibbli
-
niżgurawk li
l-invigilators jiddireġuk f’postok mingħajr dewmien
-
niżgurawk li l-persuna
responsabbli miċ-Ċentru tagħti l-istruzzjonijiet
neċessarji fuq it-tmexxija ta’ l-eżami u tigwidak kif timla d-dettalji
fuq il-pitazz qabel il-bidu ta’ kull eżami
-
niżgurawk li l-persuna
responsabbli miċ-ċentru tavża kemm ser idum l-eżami
qabel il-bidu ta’ kull eżami, u fl-aħħar għaxar minuti
ta’ l-eżami tindika kemm ikun fadal ħin għat-tmiem.
Biex żgur l-eżami
jimxi sew, int għandek tħalli l-karta ta’ l-Identità tiegħek u
l-avviż ta’ l-eżami quddiemek fuq il-mejda għall-verifikazzjoni
mill-persuna responsabbli miċ-ċentru.
Taħt l-ebda
ċirkustanża ma tista’ ddaħħal miegħek
fiċ-ċentru ta’ l-eżami - kotba, materjal ta’ l-eżami jew
mobile phones.
F’każ
li jkollok xi lment dwar it-tmexxija tal-eżami, tista’ tistaqsi
immedjatament għall- Head of Centre sabiex ikun jista jieħu azzjoni
immedjata. Jekk taħseb li l-ilment tiegħek ma kienx indirizzat, tista’
tikteb direttament lid-Dipartiment biex tirrapporta l-ilment tiegħek.
Tqassim ta’ riżultati u
ċertifikati
Eżamijiet lokali u
barranin tal-General Certificate of Education u eżamijiet Vokazzjonali
Aħna nirċievu r-riżultati
minn diversi bordijiet. Kif nirċievu dawn ir-riżultati niżguraw
li nibagħtuhomlok fl-istess jum. Minħabba raġunijiet ta’
kunfidenzjalità, ma nagħtux riżultati fuq it-telefon.
Ir-riżultati tal-Matsec
jintbagħat permezz ta' SMS qabel ma jkun intbgħat bil-posta mill-Matsec
Unit, permezz tas-servizz tal-m-government.
Jekk ma tirċevix
ir-riżultat bil-posta, int mitlub li tiġi personalment jew
tibgħat ġenitur jew tutur tiegħek fl-uffiċini tagħna f’Malta
jew Għawdex.
Kun żgur li
ġġib miegħek il-karta ta’ l-identita’ u l-index number.
Nagħtuk tweġiba immedjata fuq ir-riżultat tiegħek.
Kif tkun taf ir-riżultat
tiegħek?
Eżamijiet pubbliċi
lokali
Aħna nippublikaw
ir-riżultati fuq it-tabella ta’ l-avviżi tad-Dipartiment, u
għall-kandidati Għawdxin, fiċ-Ċentru tagħna ġewwa
Għawdex.
Ninfurmawkom li r-riżultati
ġew ippublikati permezz ta’ avviż li jidher fil-Gazzetta tal-Gvern u
fuq it-tabella ta’ l-avviżi tagħna.
Fl-eżamijiet
pubbliċi lokali nippublikaw ir-riżultat finali wara li l-proċess
kemm tal-kitba kif ukoll ta’ l-interviews ikunu saru. Ir-riżultat juri l-marki
miksuba mill-kandidati kollha skond l-index number tagħhom. Jiġu
ppublikati biss dawk l-ismijiet tal- kandidati li jkunu għaddew. Tkun
infurmat personalment dwar il-pubblikazzjoni tar-riżultat finali.
Kif tapplika għal
reviżjoni tal-karta?
Eżamijiet lokali u
barranin tal-General Certificate of Education u eżamijiet Vokazzjonali
Jekk int m’intix sodisfatt
bir-riżultat miksub minnek, tista’ titlob reviżjoni tal-karta
tiegħek. Ikkuntattja d-Dipartiment billi ċċempel, tikteb,
tibgħat fax, e-mail jew tiġi personalment fid-Dipartiment u aħna
nispjegawlek il-proċedura li trid issegwi. Din tvarja u tiddependi mill-bord
li jkun qed imexxi l-eżamijiet.
Aħna nibgħatu t-talba
tiegħek flimkien ma’ ittra mhux aktar tard minn tlett ijiem mid-data ta’
meta nkunu rċevejna t-talba tiegħek.
Aħna ninfurmawk
bir-riżultat tar-reviżjoni tal-karta tiegħek fi żmien
ħamest ijiem tax-xogħol minn meta nirċievu r-risposta
mill-examining board.
Eżamijiet pubbliċi
lokali
Jekk int weħilt f’xi
parti ta’ l-eżami, tista’ tagħmel talba għar-reviżjoni
tal-karta tiegħek fi żmien tmient ijiem minn meta jiġi ppublikat
ir-riżultat. Għall-informazzjoni dwar il-proċedura rikjesta u l-ħlas
dovut ikkuntattja d-Dipartiment.
Min-naħa tagħna
aħna nibgħatu l-karta tiegħek biex terġa tiġi
eżaminata mill-istess tlett eżaminaturi li oriġinarjament kienu
rawha u nitolbuhom iħejju rapport dettaljat dwar ix-xogħol
tiegħek. Int tiġi msejjaħ fl-uffiċċju tagħna biex
flimkien ma’ persuna li int tafda fih/fiha tqabblu l-karta tiegħek
mar-rapport imħejji. Int imbagħad ikollok tliet ijiem biex
tippreżenta l-kummenti tiegħek dwar ir-rapport. Dawn il-kummenti
jintbagħtu lill-eżaminaturi li huma obbligati li jwieġbu
għall-kummenti tiegħek. Ir-risposta tkun ikkunsidrata bħala
finali u konklussiva.
Kif tkun taf meta għandek
tiġbor iċ-ċertifikati tiegħek?
Kif nirċievu ċ-ċertifikati
mill-examining bodies, niċċekjawhom mar-rekords tagħna. Wara dan,
int tkun tista’ tiġbor iċ-ċertifikati mid-Dipartiment. Ġib
il-karta ta’ l-identità u r-riżultat miegħek. Il-ġenituri jew
it-tutur tiegħek jistgħu jiġbru ċ-ċertifikati
tiegħek f’ismek jekk iġibu magħhom il-karta ta’ l-identità
tagħhom, kif ukoll tiegħek.
Aħna ninfurmawk meta tkun
tista’ tiġbor iċ-ċertifikati permezz ta’ avviż
fil-Gazzetta tal-Gvern, u nagħmlu avviżi wkoll fuq l-istazzjon
nazzjonali tar-radju u fuq Channel 22. Aħna npoġġu avviż
fin-notice board tad-Dipartiment u fiċ-Ċentru tagħna ġewwa
Għawdex. Jekk int ma tiġborx iċ-ċertifikati fi żmien
sitt xhur mid-data tal-publikazzjoni ta’ l-avviż fuq il-meżżi
tax-xandir, aħna nibagħtulek iċ-ċertifikati bil-posta.
X’jiġri jekk titlef
iċ-ċertifikat?
Jekk titlef
iċ-ċertifikati tiegħek, aħna nistgħu noħorġu
konferma tar-riżultat tiegħek fi żmien sitt ijiem tax-xogħol
minn meta tagħmel it-talba tiegħek, mingħajr ħlas. Int trid
tagħtina d-dettalji tal-examining body, is-sessjoni meta sar l-eżami u
jekk inhu possibli l-index number tiegħek biex b’hekk inkunu nistgħu
nsibu r-riżultati tiegħek mir-rekords tagħna fl-iqsar żmien
possibli.
Jekk int trid li
noħorġu ċertifikat duplikat għaċ-ċertifikat mitluf
jew misruq, jeħtieġ li tikteb lill-examining board ikkonċernat.
Aħna nibgħatu t-talba tiegħek f’ismek fi żmien tlett ijiem
tax-xogħol minn meta nirċevuha. Il-ħlas għal dan is-servizz
ivarja skond il-bord ikkonċernat.
Aħna nibgħatu
ċ-ċertifikat duplikat fi żmien tlett ijiem minn meta
nirċievu ċertifikat mill-examining board.
Tagħrif li nagħtu
Meta nipprovdulek
informazzjoni li għandu x’jaqsam ma’ eżamijiet, aħna
niżguraw li nagħtuk informazzjoni aġġornata. Jekk tistaqsina
informazzjoni permezz tal-e-mail, aħna inkunu nistgħu nagħtuk
risposta fi żmien ġurnata. Tista’ ssaqsi għall-informazzjoni
billi tiktbilna u aħna nagħtuk tweġiba fi żmien ħamest
ijiem tax-xogħol minn meta nirċievu t-talba tiegħek.
Tista’ wkoll tistaqsi
għall-informazzjoni dwar sillabi ta’ eżamijiet li mmexxu aħna.
Ktieb tas-sillabu aġġornat ikun provdut fid-Dipartiment qabel
ir-reġistrazzjoni ta’ l-eżamijiet lokali u barranin tal-General
Certificate of Education, eżamijiet Vokazzjonali u eżamijiet
pubbliċi lokali.
Aħna nżommu
librerija ta’ karti ta’ l-eżamijiet li għaddew għal skopijiet
ta’ referenza fiċ-Ċentru ta’ l-Eżamijiet f’Għawdex.
Ikkuntattjana jekk ikollok bżonn aktar informazzjoni.
Talbiet speċjali
Applikazzjonijiet li jaslu
tard
Tista’
tirreġistra applikazzjoni wara li jkun għalaq iż-żmien ma’
dawk il-bordijiet li joffru dan is-servizz. Biex tagħmel dan int trid
tħallas miżata żejda fuq il-ħlas normali, skond kif
stipulati fir-regolamenti tal-Bord konċernat. Asal sa l-uffiċini
tagħna u aħna ngħidulek x’għandek tagħmel.
Ħlas ta’ flus lura
Int tista’ titlob flus
lura f’każijiet speċjali skond kif stipulati fil-liġijiet u
regolamenti ta’ kull Bord li qed imexxi l-eżami. Tista’ tikkuntattja l-uffiċini
tagħna għal aktar informazzjoni.
Aħna nkunu f’pożizzjoni
li nagħtuk il-flus lura jekk il-Bord li qed imexxi l-eżami jilqa’ t-talba
tiegħek u jibgħat il-ħlas dovut lilna. Aħna ngħaddulek
il-flus li tkun ħallast kif l-pagamenti jaslulna minn barra.
Arranġamenti għal
persuni bi bżonnijiet speċjali
Jekk int għandek
bżonnijiet speċjali aħna niżgurawk li nieħdu ħsieb
nagħmlu l-arranġamenti biex int tinqeda bl-aħjar mod. Nitolbuk
tinfurmana bil-bżonnijiet tiegħek meta tapplika
għall-eżamijiet. Ikollna bżonn ċertifikat mediku mill-ispeċjalista
tiegħek.
X’tip
ta’ servizz tista’ tistenna minna
Meta tikkuntattjana jew
iżżur id-Dipartiment tagħna aħna:
Kif
tista’ tagħmel ilment jew xi suġġerimenti
Aħna nieħdu gost
nisimgħu xi jkollok xi tgħidilna fuq ix-xogħol tagħna.
Nilqgħu kull kumment li se jgħinna ntejbu s-servizz tagħna.
Għalhekk jekk għandek xi suġġeriment dwar dan nixtiquk timla
Feedback Form li ssib f’dan il-ktejjeb u titfagħha fil-kaxxa
tas-suġġerimenti li tinsab fid-dipartiment jew tibgħata bil-posta.
Tista’ tibagħtilna ittra, fax jew e-mail. Aħna nikkunsidraw kull
suġġeriment fil-pjanijiet tagħna biex intejbu s-servizz.
Jekk ma tkunx sodisfatt
bis-servizz tagħna, nitolbuk tiġi u tkellem lill-persuna li qdietek.
Aħna nippruvaw insolvu l-problemi tiegħek mill-ewwel. Jekk mill-banda
l-oħra int xorta ma tkunx sodisfatt, nitolbuk tikkuntattja lil Assistent
Direttur. Tingħata tweġiba sħiħa fi żmien ħamest
ijiem tax-xogħol minn meta nkunu rċevejna l-ilment tiegħek. Jekk
xorta ma tkunx sodisfatt bir-risposta tagħna tista’ tikkuntattja lid-Direttur.
Kif
ser naraw ilħaqniex il-livell mixtieq
Aħna rridu li nilħqu
l-livell imfassal f’dan iċ-Charter bil-għan li nipprovdu servizz ta’
kwalità. Aħna naraw jekk aħniex qed nilħqu dan il-livell mixtieq
għas-sodisfazzjon tal-klijent. Nistgħu inkejlu il-livell milħuq
permezz ta’:
-
suġġerimenti u
lmenti li nirċievu minn għandek
-
stħarriġ
perjodiku fost klijenti tagħna.
-
aħna
niċċekkjaw is-servizzi u l-livelli tagħna u nfittxu kif ser
intejbuhom.
Servizz
ta’ kwalità
L-istaff tagħna huwa
marbut li jipprovdi servizz effiċjenti u ta’ kwalità lill-klijent tagħna
u huwa dejjem lest li jagħtik kull għajnuna li jkollok bżonn.
Id-Dipartiment jintrabat ukoll
li jipproċessa l-informazzjoni personali kollha, skond l-obligazzjonijiet
ma’ l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data.
Kull informazzjoni f’dan
il-fuljett hija korretta sakemm morna għall-istampa. Aktar informazzjoni
tinsab fuq il-website taċ-Charter Support Unit u fuq dik tal-Ministeru
għall-Edukazzjoni.