Dipartiment tad-Dermatologija - Sptar Sir Paul Boffa

Werrej

Dan ic-Charter

Kif tista' tikkuntattjana

Hinijiet tal-ftuh

Kunsiderazzjoni personali u rispett

Id-drittijiet tieghek bhala pazjent

Taghmel appuntament

Is-servizzi li noffru

X'tip ta' servizz ghandek tistenna minghandna

Ir-responsibilitajiet tieghek bhala pazjent

Duwa u medicina

Jekk m'intix sodisfatt/a bis-servizz taghna

Nitghallmu minghandek!

 

Dan iċ-charter

Id-Dipartiment tad-Dermatoloġija hu magħmul minn diversi taqsimiet, li kollha jittrattaw oqsma differenti fuq mard tal-ġilda u kura meħtieġa biex jitfejqu. L-għan tad-dipartiment hu li jaħdem biex ikun hemm titjib fil-kura tas-saħħa ta’ nies b’mard tal-ġilda, kif ukoll jgħallmu u jinformaw lil pubbliku dwar dan il-mard u biex jipprovdu trattament neċessarju lil dawk il-pazjenti kemm jekk huma outpatients kif ukoll inpatients. Id-dipartiment jipprovdi wkoll informazzjoni u linji ta’ gwida (informazzjoni stampata) lil dawk il-pazjenti li jsofru minn mard tal-ġilda partikolari. B’hekk dawn ikollhom informazzjoni mill-ewwel ta’ kif għandhom inaqqsu irritazzjonijiet u kundizzjoni ta’ wġiegħ li jistgħu jbatu minnhom. Dan iċ-charter ifisser ukoll ir-responsabbiltajiet u drittijiet tiegħek bħala pazjent meta żżur id-dipartiment tagħna. Huwa intenzjonat li jservi bħala gwida għas-servizzi li noffru u l-kwalita’ tas-servizz li int tistenna mingħandna. B’dan iċ-charter aħna qed nintrabtu li nipprovdu lilek servizz ta’ kwalita’.

 

Kif tista’ tikkuntattjana

Id-Dipartiment tad-Dermatoloġija jinsab fl-isptar Sir Paul Boffa fil-Floriana. Tista’ tikkuntattjana kif ġej:

  • tiġi personalment jew tikteb f’dan l-indirizz

Dipartiment tad-Dermatoloġija

Sptar Sir Paul Boffa

Harper Lane

Floriana VLT 14

  • iċċemplilna fuq: 22987127/22987153
  • tibgħatilna fax fuq: 22987131
  • tibgħatilna email fuq: dermaop@gov.mt

 

Hinijiet tal-Ftuħ

Id-Dipartiment tad-Dermatoloġija ikun miftuħ mit-Tnejn sas-Sibt matul dawn il-ħinijiet:

8.00 a.m. – 1.30 p.m.

Is-sala ta’ l-Operazzjonijiet fid-Dipartiment tad-Dermatoloġija taħdem mit-Tnejn sas-Sibt matul dawn il-ħinijiet:

8.00 a.m. – 1.00 p.m.

Is-Sala tad-Dermatoloġija tkun miftuħa għal viżitaturi matul dawn il-ħinijiet:

10.00 a.m. – 12.00 p.m.

3.30 p.m. – 8.00 p.m.

Tfal jistgħu jattendu biss nhar ta’ Ħadd matul dawn il-ħinijiet:

10.00 a.m. – 12.00 p.m.

 

Kunsiderazzjoni personali u rispett

Nemmnu li inti għandek tkun taf l-isem u l-grad ta’ min qiegħed jagħtik is-servizz. Għandek tistenna li l-istaff kollu jkun liebes karta ta’ l-identita’ li turi l-isem u l-grad fi ħdan id-Dipartiment tad-Dermatoloġija.

Għandek tistenna wkoll li l-istaff kollu jġib ruħu miegħek bl-aħjar mod possibbli. L-istaff kollu jaqdik b’kortesija u jirrispetta l-privatezza, id-dinjita’, il-kultura, it-twemmin reliġjuż u l-istil ta’ ħajja tiegħek.

Għandek tistenna li aħna nagħmluha faċli għal kulħadd li jinqeda mis-servizzi, inklużi t-tfal, anzjani u nies bi bżonnijiet speċjali.

 

Id-drittijiet tiegħek bħala pazjent

Bħala pazjent fid-Dipartiment tagħna, int għandek id-dritt li:

  • tkun infurmat/a bis-servizzi disponibbli fid-Dipartiment tad-Dermatoloġija. Għandek tistenna li tkun tista’ tikseb din l-informazzjoni faċilment u din għandha tkun ippreżentata b’mod konċiż iżda li jiftiehem malajr
  • tiġi kkurat/a skond kif teħtieġ, irrespittivament mill-klassi soċjali tiegħek, il-kulur tal-ġilda, is-sess, jew xi fattur ieħor
  • tingħata spjegazzjoni tat-trattament li nkunu ser nagħtuk dwar ir-riskji li jista’ jkun hemm kif ukoll x’alternattivi jeżistu biex int tkun tista’ tiddeċiedi jekk tagħmilx dan it-trattament jew le
  • ikollok kull informazzjoni fuqek merfugħa b’mod kunfidenzjali
  • tingħata tweġiba għall-mistoqsijiet li tagħmel fuq il-kundizzjoni tiegħek
  • tingħata preskrizzjoni ta’ mediċini li jkunu ta’ siewi għal kundizzjoni tiegħek
  • toqgħod fis-sala tagħna bħala pazjent sakemm il-kundizzjoni tiegħek tkun stabbli.

 

Tagħmel Appuntament

Huwa importanti li tagħmel appuntament minn qabel biex inti tkun tista’ tattendi waħda mill-kliniċi speċjalizzati li jinsabu fid-Dipartiment tad-Dermatoloġija. Din l-informazzjoni tgħinek tifhem il-proċedura li tintuża f’dan id-Dipartiment.

  • inti jeħtieġ li jkollok nota ta’ riferiment mingħand it-tabib tiegħek jew miċ-Ċentru tas-Saħħa. Din għandha tintbgħat bil-posta jew tiġi biha int fid-Dipartiment tad-Dermatoloġija
  • dawn in-noti ta’ riferiment jgħaddu għand il-Konsulenti tagħna
  • appuntament jingħata u jintbgħat bil-posta lil pazjenti skond il-kundizzjoni tal-ġilda
  • inti dejjem għandek tinforma lid-dipartiment jekk ma tkunx tista’ tattendi għall-appuntament li f’dak il-każ ikun jista’ jiġi irranġat appuntament ieħor.

 

Is-servizzi tagħna

Hemm tmien kliniċi fid-Dipartiment tad-Dermatoloġija u dawn huma:

Servizzi ta’ l-Out-patients

  • Klinika tal-General Dermatology
  • Klinika tal-Leg Ulcer
  • Patch Testing
  • Photochemotherapy u Phototherapy (PUVA u UVB)
  • Dermatology Laser Unit (fl-Isptar San Luqa)
  • Sala tal-Operazzjonijiet tad-Dermatoloġija
  • Klinika tal-Genito-Urinary

Servizz ta’ In-patient

  • Sala Prof. Vincent Curmi

 

Klinika tal-General Dermatology

Il-Klinika tad-Dermatoloġija toffri għażla wiesa’ ta’ kura medika u ta’ kirurġija tal-ġilda lil pazjenti ta’ kull eta’. Dijanjosi u terapija dwar d-dermatite, l-ekżema, l-akne, problemi ta’ infezzjonijet tal-ġilda li jinkludi dawk tat-tip viral, bacterial, fungal diseases, blistering diseases, problemi tax-xagħar u d-dwiefer, felul, xi mard ieħor tal-ġilda jiġu effettwati u wara tingħata l-kura meħtieġa lil pazjenti. Viral warts jiġu ttrattati fil-Klinika tal-Viral Wart li hi apposta għalhekk.

Dan is-servizz jingħata mit-Tnejn sas-Sibt bejn it-8.00 a.m. u nofsinhar.

  • appuntamenti ġodda jsiru biss b’nota ta’ riferiment. Pazjenti b’noti ta’ urġenza jiġu invistati f’dik il-ġurnata stess, iżda fin-nota ta’ riferiment trid tidher l-urġenza dwar il-problema tal-ġilda
  • jekk tkun trid tħassar l-appuntament, inti mitlub tinforma lid-Dipartiment mill-aktar fis possibbli u jkun jista' jingħatalek appuntament ġdid.

Jekk jogħġbok ġib miegħek dawn ukoll:

  • il-karta ta’ l-identita’
  • il-biljett tal-appuntament ta’ l-isptar
  • dik il-mediċina li tkun qed tittieħed mill-pazjent (li jinkludu kremi u ingwent)

Attendenza

Biex tiġi fil-Klinika tal-General Dermatology, irid ikollok appuntament u dan isir kif spjegajna aktar ‘l fuq.

Dewmien

Għandek tistenna li inti tingħata l-ewwel appuntament fiż-żmien 2 – 4 ġimgħat. Dakinhar ta’ l-appuntament tiegħek int għandek tistenna li t-tabib jarak fi żmien nofs siegħa mill-appuntament tiegħek. Jista’ jkun hemm xi ċirkustanzi mhux tas-soltu li jżommuna milli nilħqu dan l-għan.

 

Klinika tal-Leg Ulcer

Il-leg ulcers huma feriti fuq is-saqajn li ma jfiequx minħabba li jkun hemm nuqqas ta’ ċirkulazzjoni ta’ demm f’dik il-parti partikolari tas-sieq. Nies li jbatu b’nuqqas ta’ ċirkolazzjoni fid-demm, bħal dawk li jbatu minn dijabete u nies anzjani, huma l-aktar li jiżvilluppaw leg ulcers. Il-ferita fil-bidu tista’ tkun ħaġa żgħira u raġuni komuni hi li tista’ tkun ikkaġunata billi naħbtu ma l-għamara. L-ulcer tista’ tiġi infettata u f’ċertu każijiet din tikber u jkun jeħtieġ li t-trattament għal fejqan isir mill-aktar fis possibbli. Din il-Klinika tal-Leg Ulcer tittratta l-aktar leg ulcers minħabba problemi tal-vini, bħal vini varikużi.

Dan is-servizz jingħata mit-Tnejn sal-Ħadd bejn it-8.00 a.m. u s-1.00 p.m.

Meta pazjenti jkunu ser jattendu l-Klinika tal-Leg Ulcer għandhom iġibu dawn li ġejjin magħhom:

  • il-karta ta’ l-identita’
  • il-biljett ta’ l-appuntament ta’ l-isptar
  • dik il-mediċina li tkun qed tittieħed mill-pazjent (li jinkludu kremi u ingwent)
  • in-nota ta’ l-appuntament li tkun irċevejt mid-Dipartiment tad-Dermatoloġija.

Attendenza

Biex tiġi fil-Klinika tal-Leg Ulcer irid ikollok appuntament u dan isir kif spjegajna aktar ‘l fuq.

Dewmien

Għandek tistenna li inti tingħata l-ewwel appuntament fiż-żmien 2 – 4 ġimgħat. Dakinhar ta’ l-appuntament tiegħek inti għandek tistenna li jarak tabib jew infermier/a fiż-żmien siegħa mill-appuntament tiegħek. Dan hu minħabba l-fatt tan-natura unika tax-xogħol li jsir fil-Klinika tal-Leg Ulcer. Jista’ jkun hemm xi ċirkustanzi mhux tas-soltu li jżommuna milli nilħqu dan l-għan.

 

Patch Testing

Patch testing huwa mod ta’ kif issib jekk inti hux allerġiku għal xi ħaġa li tiġi b’kuntatt mal-ġilda. Patch testing jagħraf biss dik it-tip ta’ allerġija li tikkawża ekżema bħal ngħidu aħna ħakk, qxur u nuffati fuq il-ġilda. Dan jiġri minħabba kuntatt mall-ġilda minn barra. Aħna ma niċċekkjawx għal allerġiji ta’ ikel jew xi allerġiji oħra li jikkawżaw għatis, tħarħir jew ażżma.

Il-Patches jitwaħħlu fuq id-dahar it-Tnejn, jitneħħew u l-ewwel qari jsir l-Erbgħa, u l-aħħar qari jittieħed il-Ħamis jew il-Ġimgħa, jiddependi meta l-Konsulent ikun fil-klinika. Huwa importanti li d-dahar ma jinħasilx minn dakinhar li jsiru l-Patches sakemm isir l-aħħar qari.

Dan is-servizz jingħata mit-Tnejn sas-Sibt bejn it-8.00 a.m. u 1.00 p.m.

Meta pazjenti jkunu ser jattendu l-Klinika tal-Patch Testing għandhom iġibu dawn li ġejjin magħhom:

  • il-karta ta’ l-identita’
  • il-biljett ta’ l-appuntament ta’ l-isptar
  • dik il-mediċina li tkun qed tittieħed mill-pazjent
  • in-nota ta’ l-appuntament li tkun irċevejt mid-Dipartiment tad-Dermatoloġija
  • għal l-ewwel appuntament tiegħek, jekk jogħġbok ġib miegħek dak kollu li taħseb li qed jikkawżalek ħsara fil-ġilda tiegħek. Jekk jogħġbok immarka kull oġġett li ser iġġib miegħek.

Attendenza

Patch tests isiru jekk ikun maħsub li huwa neċessarju wara li ssir konsultazzjoni ta’ rutina fil-Klinika tad-Dermatoloġija.

Dewmien

Għandek tistenna li tingħata l-ewwel appuntament fi żmien 2 – 4 ġimgħat. Dakinhar ta’ l-appuntament tiegħek int għandek tistenna li jarak tabib jew infermier/a fi żmien nofs siegħa mill-appuntament tiegħek. Jista’ jkun hemm ċirkustanzi mhux tas-soltu li jżommuna milli nilħqu dan l-għan.

 

Photochemotherapy u Phototherapy (PUVA u UVB)

Il-PUVA/UVB huma tip ta’ trattament bir-radjazzjoni ta’ l-Ultraviolet (li jissejjaħ phototherapy) li huwa ferm utli għal dawk il-pazjenti b’diversi mard tal-ġilda, li jinkludu l-psoriasis, dermatitis, u l-mycosis fungoides. In-numru u l-frekwenza tat-trattament bil-PUVA/UVB jiddependi fuq il-kundizzjoni ta’ saħħet l-individwu u fuq fatturi oħra individwali. Il-PUVA huwa trattament ta’ taħlita li tikkonsisiti fi Psoralens (P) imbagħad il-ġilda tkun esposta għal raġġi ta’ radjazzjoni ta’ l-Ultraviolet (UVA).

Dan is-servizz jingħata sebat ijiem fil-ġimgħa bejn is-7.30 a.m. u s-6.00 p.m. b’xi waqfien minn ħin għal ieħor skond ix-shift ta’ l-istaff.

Meta pazjenti jkunu ser jattendu l-Klinika tal-PUVA għandhom iġibu dawn li ġejjin magħhom:

  • il-karta ta’ l-identita’
  • il-biljett tal-appuntament ta’ l-isptar
  • tinfurmana dwar xi mediċini li inti tkun qed tieħu.

Inti għandek ukoll:

  • tieħu n-numru ta’ pilloli speċifikament kif ikun qallek it-tabib sagħtejn qabel l-appuntament tiegħek fil-Klinika tal-PUVA
  • taqra sew l-instruzzjonijiet ipprovduti dwar it-trattament tiegħek u jekk ikollok xi mistoqsijiet jew m’intix ċert dwar xi ħaġa għandek tistaqsi fil-Klinika tal-PUVA.

Attendenza

Biex tiġi fil-Klinika tal-PUVA/UVB inti trid tkun irreferut mid-Dermatoloġista mill-Klinika tad-Dermatoloġija.

Dewmien

Il-kura bil-PUVA/UVB tingħata skond iċ-ċirkustanzi tat-trattament tiegħek, għalhekk huwa importanti li inti żżomm il-ħin tal-appuntament tiegħek. Jista’ jkun hemm ċirkustanzi mhux tas-soltu li jżommuna milli nilħqu dan l-għan.

 

Il-Laser Unit tad-Dermatoloġija

Il-Laser Unit tad-Dermatoloġija jinsab fl-isptar Karen Grech, G’Mangia, faċċata tas-Sala ta’ l-Oftalmija. Il-magna tal-laser hija tat-tip Pulsed-dye laser u tintuża l-aktar għal kura ta’ tbajja fuq il-ġilda, vini rqaq fuq il-ġilda u haemangiomas. Pazjenti jista’ jkollhom bżonn li jattendu għal diversi drabi għat-trattament sakemm ikun hemm ir-riżultat mixtieq. Pazjenti ma għandhomx għalfejn isumu qabel il-proċedura u jkunu jistgħu jerġgħu jmorru lura għal attivitajiet tagħhom wara t-trattament. Matul il-proċedura jkun hemm preżenti infermier/a u t-tabib. Jintlibsu xorta ta’ nuċċalijiet apposta biex jipproteġu l-għajnejn mir-raġġi tal-laser. Waqt it-trattament jista’ jinħass xi ftit skonfort u jista’ jidher xi tbenġil temporanju. Wara t-trattament jitpoġġew blokki tas-silġ biex jitnaqqas it-tbenġil u n-nefħa. F’każijiet rari, speċjalment meta l-pazjenti jkunu tfal żgħar jew trabi, it-trattament tal-laser isir taħt il-loppju fis-swali ta’ l-operazzjonijiet f’Karen Grech u f’dawn il-każijiet ikun hemm il-bżonn li jużaw is-sala tat-tfal għal ġurnata.

Dan is-servizz jingħata mit-Tnejn sas-Sibt bejn it-8.00 a.m. u nofsinhar.

Meta pazjenti jkunu ser jattendu l-Laser Unit tad-Dermatoloġija għandhom iġibu dawn li ġejjin magħhom:

  • il-karta ta’ l-identita’
  • il-biljett ta’ l-appuntamenti ta’ l-isptar

Attendenza

Biex tiġi fil-Laser Unit tad-Dermatoloġija, l-ewwel ikun irid jarak id-Dermatoloġista mill-Klinika tad-Dermatoloġija, biex jiddetermina jekk jistax jingħata trattament bil-laser.

Dewmien

Għandek tistenna li inti tingħata l-ewwel appuntament fi żmien xahar. Dakinhar tal-appuntament tiegħek inti għandek tistenna li jarak tabib fi żmien nofs siegħa mill-appuntament tiegħek. Jista’ jkun hemm xi ċirkostanzi mhux tas-soltu li jżommuna milli nilħqu dan l-għan.

 

Sala ta’ l-Operazzjonijiet tad-Dermatoloġija

Is-Sala ta’ l-Operazzjonijiet tad-Dermatoloġija fl-isptar Sir Paul Boffa tinsab fl-ewwel sular tal-bini. Il-pazjenti l-ewwel jiġu invistati mill-Konsulent Dermatoloġiku fil-Kliniċi ta’ l-Outpatient u imbagħad jingħataw appuntament biex isirilhom l-operazzjoni. L-operazzjonijiet żgħar li jsiru f’din is-sala jinkludu biopsies u excisions. Pazjenti ma għandhomx għalfejn isumu qabel l-operazzjoni peress li normalment dawn isiru taħt loppju lokali u jkunu jistgħu jmorru lura d-dar jew għal attivitajiet noramli tagħhom wara l-operazzjoni. F’ċertu każijiet meta jkun jinħtieġ li ssir ‘flap’ il-pazjent għandu jġib miegħu baskett biex jagħmel lejl l-isptar. F’dak il-każ il-pazjent ikollu joqgħod fis-sala tad-Dermatoloġija għal osservazzjoni – din is-sala tinsab maġenb is-sala ta’ l-operazzjonijiet. Matul l-operazzjoni jkun hemm preżenti t-tabib u l-infermier/a. Qraba jkunu mitluba li joqgħodu jistennew barra ħlief meta l-pazjenti huma tfal jew pazjenti bi bżonnijiet speċjali. L-operazzjoni ddum bejn nofs siegħa u siegħa u l-ferita titatta’ skond kif ikun meħtieġ. L-infermier/a jgħidulek kif għandek tieħu ħsieb il-ferita u meta għandek terġa’ tmur biex jinqatgħulek il-punti. Meta jkun meħtieġ li jsir appuntament ta’ follow-up, dan għandu jsir fid-Dipartiment tal-Outpatients għand ir-receptionist qabel ma toħroġ mill-isptar.

Is-Sala tal-Operazzjonijiet tad-Dermatoloġija taħdem mit-Tnejn sas-Sibt matul dawn il-ħinijiet:

8.00 a.m. – 1.00 p.m.

Meta l-pazjenti jkunu ser jattendu s-Sala għall-Operazzjonijiet żgħar għandhom iġibu dawn li ġejjin magħhom:

  • il-karta ta’ l-identita’
  • il-biljett ta’ l-appuntament ta’ l-isptar
  • baskett b’dak kollu neċessarju jekk inti tkun teħtieġ li toqgħod matul il-lejl.

Attendenza

Biex tiġi għall-operazzjoni l-ewwel ikun sar appuntament kif spjegajna aktar ‘l fuq. Meta jkun meħtieġ it-tabib li jinvistak jagħmillek appuntament biex issirlek l-operazzjoni meħtieġa.

Dewmien

L-operazzjonijiet kollha jiġu ikklassifikati skond l-urġenza tal-każ u l-appuntamenti jingħataw mid-Dermatoloġista. Ma hemmx waiting lists għal dawk il-każijiet urġenti. L-operazzjoni ddum bejn nofs siegħa u siegħa għalhekk hu meħtieġ li jinżamm il-ħin ta’ l-appuntament. Jista’ jkun hemm xi ċirkustanzi mhux tas-soltu li jżommuna milli nilħqu dan l-għan.

Meta jkun meħtieġ li jsir appuntament ta’ follow-up wara l-operazzjoni inti għandek tistenna li t-tabib jarak fi żmien xahar.

 

Il-Klinika tal-Genito-Urinary

Il-Klinika tal-Genito-Urinary hija miftuħa għal kulħadd, irrespittivament mill-eta’. Toffri servizz sensittiv u kunfidenzjali dwar pariri, investigazzjoni, eżami mediku u trattament lil dawk kollha li jaħsbu li huma f’riskju minn infezzjonijiet trasmessi mis-sess, li jinkludu l-HIV u l-AIDS. Is-servizzi kollha huma kompletament kunfidenzjali u mingħajr ħlas – it-tabib personali tiegħek ma jkunx infurmat li inti qed tattendi l-klinika ħlief jekk tagħti l-permess inti stess.

Il-proċedura ta’ riferiment:

  • jew tmur inti stess jew jirreferik it-tabib
  • pazjenti ma għandhomx bżonn nota ta’ riferiment
  • tistgħu tibbukjaw appuntament intom stess billi ċċemplu fuq numru 21 227981 jew permezz tat-tabib tagħkom
  • il-waiting list hija ta’ ġimgħatejn, iżda każijiet urġenti jiġu inviztati f’qasir żmien wara li tkun saret diskussjoni diretta mat-tabib jew il-pazjent.

 

Is-Sala Prof. Vincent Curmi

Pazjenti jiġu riferuti f’din is-sala meta huma jkollhom bżonn ċertu trattament li jirrikjedi li jingħata fl-isptar u jkun meħtieġ li jiġu osservati l-ħin kollu mill-impjegati ta’ l-isptar. Is-sala fiha 11 il-sodda. Hemm tlett kmamar b’sodda waħda u erba’ kmamar b’żewġ sodod f’kull kamra. Pazjenti nisa u rġiel ma jkunux fl-istess kamra sabiex ikun hemm il-privatezza kollha meħtieġa. Is-sala tinsab fl-ewwel sular ta’ l-isptar Sir Paul Boffa, Floriana. Is-servizz tal-lift huwa pprovdut sabiex wieħed ikun jista’ jitla fis-sala. Għal aktar informazzjoni rreferi għal ktejjeb li jinsab fis-sala.

Proċedura ta’ riferiment:

  • bħala pazjent inti tiġi rriferut f’din is-sala meta inti teħtieġ xi tip ta’ trattament kif diġa’ spjegajna. It-tabib jirreferik f’din is-sala u wkoll jilliċenzjak mis-sala meta inti tkun fieqt kompletament.

 

X’tip ta’ servizzi għandek tistenna mingħandna

Meta tiġi fid-dipartiment tagħna għandek tistenna li:

  • nilqgħuk f’ambjent nadif u komdu
  • nagħmluha faċli għal kulħadd li juża s-servizzi tagħna
  • nippruvaw nifhmu s-sitwazzjoni tiegħek, biex ngħinuk bl-aħjar mod possibbli
  • nipprovdulek informazzjoni stampata fuq il-kliniċi tad-dipartment tagħna fejn nispjegaw fil-qosor x’inhu dan il-mard, it-trattament li ser jingħata u xi prekawzjonijiet li int għandek tieħu bħala pazjent
  • nagħtuk l-isem u n-numru tat-telefon tal-Konsulent meta jkun sar l-appuntament
  • jekk il-Konsulent ikollu bżonn jagħmel aktar investigazzjonijiet, il-pazjent jista’ jintbgħat biex isirlu test tad-demm fil-Bleeding Room fl-isptar Sir Paul Boffa stess. Ir-rizultat ta’ dawn it-testijiet jingħataw lil pazjent fl-appuntament li jmiss
  • pazjenti bi bżonnijiet speċjali, dawk li ġejjin minn sptarijiet oħra, dawk li jiġu d-Dipartiment tad-Dermatoloġija bl-ambulanza u pazjenti Għawdxin jingħataw prijorita’ fuq il-pazjenti l-oħra
  • nagħtu prijorita’ lil dawk il-persuni li jkollhom il-Karta ta’ l-Identita’ Speċjali.

Meta tiktbilna, għandek tistenna li aħna:

  • nibgħatulek nota fi żmien ġurnata minn meta nkunu rċevejna l-korrispondenza tiegħek
  • nibgħatu l-ewwel tweġiba għall-ittra tiegħek fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol
  • nibgħatulek tweġiba sħiħa u finali fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta tkun intbgħatet l-ewwel tweġiba.

Meta ċċemplilna, għandek tistenna li aħna:

  • nirrisponduk fil-pront u b’kortesija
  • ngħidulek isimna u l-grad tagħna.

Meta tibgħat email, għandek tistenna li aħna:

  • nibgħatulek konferma li nkunu rċevejna l-email tiegħek immedjatament
  • nibgħatu l-ewwel tweġiba fi żmien jumejn tax-xogħol minn meta tkun inbgħatet in-nota
  • nibgħatu tweġiba sħiħa u finali fi żmien ħamest ijiem minn meta tkun intbgħatet l-ewwel tweġiba.

Meta tagħmel appuntament, għandek tistenna li aħna:

  • nibgħatulek appuntament fi żmien tmint ijiem minn meta nkunu rċevejna n-nota ta’ riferiment.

Għandek tistenna wkoll li l-istaff kollu, kemm it-tobba kif ukoll l-infermiera:

  • jilbsu karta ta’ identita’
  • jifhmu s-sitwazzjoni tiegħek
  • jkunu edukati
  • jfehmuk b’mod ċar kull servizz li noffrulek
  • jkunu marbuta li jżommu b’mod sigriet u kunfidenzjali kull informazzjoni li inti tghidilhom.

 

Ir-responsabbiltajiet tiegħek bħala pazjent fid-Dipartiment tad-Dermatoloġija

Inti tista’ tgħinna nagħtuk servizz aħjar billi:

  • tkun edukat/a u ta’ għajnuna ma’ l-istaff tagħna kollu
  • tagħtina l-informazzjoni kollha u d-dettalji eżatti u korretti
  • tkun puntwali jekk ikollok appuntament
  • tinfurmana jekk ma tkunx ser tattendi għall-appuntament li jkun ingħatalek
  • tagħti każ l-iġjene ta’ persuntek qabel ma tiġi għal viżta
  • tieħu xi mediċina li tkun ingħatat lilek għal qabel l-appuntament
  • iġġib miegħek il-karta ta’ l-identita’
  • iġġib miegħek in-nota ta’ l-appuntament u l-biljett ta’ l-isptar
  • iġġib miegħek u turi l-Karta ta’ l-Identita’ Speċjali li jintitolawk għal ċertu privileġġi (bħal Kartanzjan 75 +, il-Care Workers’ u Persuni bi Bżonnijiet Speċjali).

 

Duwa u mediċina

Għandek id-dritt li tingħata duwa u mediċina xierqa. Jekk id-dħul tiegħek jaqa’ f’ċertu kategorija, inti tista’ tkun intitolat/a għall-Karta r-Roża. Din il-karta tagħtik id-dritt li tikseb il-mediċini tiegħek b’xejn. Għal aktar informazzjoni staqsi fl-uffiċċju tas-Sigurta’ Soċjali fid-distrett tiegħek.

Jekk tbati minn xi wiehed minn għadd ta’ kundizzjonijiet kroniċi speċifiċi, għandek ukoll id-dritt li tieħu l-mediċini tiegħek b’xejn. Dawn il-kundizzjonijiet huma mniżżla f’lista magħrufa bħala Skeda V. It-tabib tiegħek jista’ jagħtik parir dwar dan.

 

Jekk m’intix sodisfatt/a bis-servizz tagħna

Jekk taħseb li aħna nqasna milli nżommu l-istandards ta’ kif nagħtu s-servizzi u trid tagħmel ilment, inti tista’ tikteb lil Customer Care Office fuq l-indirizz li ġej:

Customer Care Office

Sptar Sir Paul Boffa

Harper Lane

Floriana VLT 14

Inti tirċievi nota mingħandna, li turi li l-avviż wasal, fi żmien jumejn tax-xogħol u tingħata tweġiba sħiħa fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn mindu tkun irċevejt l-avviż.

 

Nitgħallmu mingħandek!

Aħna kontinwament qed nagħmlu ħilitna biex nipprovdulek servizz li jissodisfa l-bżonnijiet tiegħek u għalhekk nilqgħu kull kumment jew suġġeriment li jista’ jgħinna ntejbu s-servizz tagħna. Jekk jogħġbok, tina l-kummenti tiegħek billi timla feedback form u tħallihielna fil-kaxxa tas-suġġerimenti li għamilna apposta fir-reception area.

Kull informazzjoni f’dan il-fuljett hija korretta sakemm morna għall-istampa. Informazzjoni aġġornata tinsab fuq il-website taċ-Charter Support Unit u fuq il-website tal-Ministeru tas-Saħħa.

 

April 2003

 

Ippublikat miċ-Charter Support Unit, OPM

http://www.servicecharters.gov.mt

Stampar, Stamperija tal-Gvern